Lokali Qorti

Dun David Muscat għada se jiġi akkużat fuq ‘hate speech’

Għada l-Ġimgħa, quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia se jibda jinstema’ l-każ tal-qassis David Muscat se jkun akkużat b’diskors ta’ mibegħda (hate speech) u użu ħażin tat-teknoloġija minħabba l-kummenti dispreġġjattivi tiegħu fuq persuni gay. Il-Pulizija ressqet akkużi ta’ reat ta’ mibegħda fuq żewġ kummenti li l-qassis poġġa fuq Facebook fil-bidu tas-sena.

F’wieħed mill-kummenti, Dun Muscat tkellem dwar il-possibbiltà li s-suspettat fil-qtil ta’ tfajla Pollakka, Abner Aquilina kien gay, bisesswali jew ippossedut mix-xitan u qal li l-“gayness” hija agħar milli tkun possedut. Il-kumment l-ieħor tpoġġa taħt ritratt li juri lis-suspettat tal-qtil liebes flokk ikkulurit.

Muscat ikkummenta fuqu u qal li qisu kien għadu ġej lura mill-‘gay pride’. Il-pulizija setgħet qieset dan il-kumment bħala illegali talli timplika li nies li jattendu l-gay pride huma kriminali. Dun Muscat mhux se jitressaq il-Qorti l-Ġimgħa filgħodu b’arrest imma b’ċitazzjoni.

Jekk jammetti l-akkużi Jista’ jinħeles bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor għall-perjodu ta’ żmien jew jew jingħata sentenza sospiża, iżda dawn l-akkużi jistgħu jfissru wkoll ħlas ta’ eluf ta’ ewro f’multi u, fl-agħar każ, imma ferm improbabbli, jista’ jiġi kundannat piena ta’ ħabs sa 18-il xahar.

Huwa se jkun akkużat li kiser l-artikolu 82A tal-kodiċi kriminali, li ġie emendat reċentement, li jgħid li “min juża xi kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużiv jew insultanti…kontra persuna jew grupp ieħor fuq il-bażi ta’ sess, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew li biha tali vjolenza jew mibegħda razzjali jew reliġjuża x’aktarx li, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, titqanqal għandhom, meta jinstab ħati. jista’ jeħel priġunerija għal żmien minn sitta sa tmintax-il xahar.”

Huwa se jkun akkużat ukoll li uża ħażin tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika, u dan jista’ jiswih multa sa €23,000 f’multa, dejjem fil-massimu tagħha. Wara l-kummenti tiegħu, Dun Muscat kien issejjaħ fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija l-Ħamis, 6 ta’ Jananr wara nofsinhar, ftit wara li diversi attivisti kienu talbu għall-azzjoni tal-pulizija fil-konfront tas-saċerdot.

L-Arċisqof Charles Scicluna kien ukoll ħareġ twissija formali kontrih, fejn ta struzzjonijiet biex jieqaf jagħmel “kummenti infjammatorji u li jweġġgħu” jew inkella jista’ jitwaqqaf milli jeżerċita l-ministeru tiegħu fil-pubbliku. Din iċ-ċanfira minn Isqof tikkundanna azzjoni minn membru tal-kleru, fejn l-isqof jirriserva d-dritt li jieħu aktar azzjoni dixxiplinarja, bħal li jneħħilu d-dritt li jmexxi quddiesa fil-pubbliku.