Lokali

“Għandna bżonn politiċi li jaraw biss l-interess tal-poplu Malti”

“Il-Politika għalhekk għandek naħa u oħra sabiex jiddiskutu. Li jiddispjaċini hu li l-Gvern minkejja li kellu l-opportunita’ jibgħat messaġġ ċar li aħna magħqudin, għażel li ma jieħux dik l-opportunita’.” Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-programm Net Live propju ftit tal-mumenti wara li l-abbozz li ressaq il-Partit Nazzjonalista m’għaddiex minħabba li l-Gvern ivvota kontra.

Bernard Grech saħaq li wieħed jista’ jirrealizza li l-Partit Laburista ivvota kontra dan l-abbozz għaliex propju ġie ppreżentat mill-Partit Nazzjonalista. U kompla jgħid li l-Politika Maltija għandha bżonn politiċi serji li jaraw biss l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi u mhux l-interess personali tagħhom

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan l-abbozz li ġie mfaħħar minn kulħadd fosthom diversi NGOs u għalhekk dan ifisser li l-Gvern ivvota kontra l-opinjoni ta’ dawn kollha.

Bernard Grech kompla jisħaq li l-Gvern Laburista jiddeċiedi malajr biss meta jkun jaqbel lilu iżda għal abbozz bħal dan, il-Gvern irraġuna li ma jistax jgħaġġel fid-deċiżjoni tiegħu.