Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista falla totalment fil-qasam tat-tqassim tad-djar tal-Gvern

  • id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo tkellem dwar wiegħdi fiergħa tal-Gvern Laburista fir-rigward tal-qasam tad-djar u qal li llum, disa’ snin wara, dawn il-wiegħdi nkixfu għaliex kienu fiergħa.

Hu qal li fl-ewwel tliet xhur ta’ Gvern Laburista fl-2013 applikaw mal-mitejn persuna li talbu akkomodazzjoni soċjali. Kien hemm minnhom min tħajjar u kien hemm ukoll min ġie mħajjar biex japplika wara l-Elezzjoni, la darba hemm il-Partit Laburista fil-Gvern!

Persentaġġ minnhom kienu jaħsbu li għax inbidel il-Gvern, allura jista’ jingħata dak li m’huwiex intitolat għalih anki jekk frankament m’ għandhomx bżonn.

Għax dik il-mentalità li telgħu biha u min fdahom bil-vot tiegħu anke għall-ewwel darba, ħallewh b’taqtigħ ta’ qalb għax gidmuh u injorawh.

Qabel l-2017 tal-Partit Laburista kienu jgħidulhom biex imorru jivvutaw imbagħad, wara l-Elezzjoni meta fittxew lil min wiegħedhom ma sabuhomx.

Ivan Bartolo tkellem dwar il-problema tal-lifts u qal li hemm bosta nies li huma maqbuda fid-dar tagħhom għaliex il-lift fejn joqogħdu ma jaħdimx.

Tkellem dwar it-tqassim tal-units u qal li ħadd ma jaf x’inhu jiġri. Wara disa’ snin għadhom ma qassmux unit wieħed biss. Ħarsu lejn il-binja fl-Imsida li għadha shell! Tal-mistħija.

Ivan Fenech tkellem ukoll dwar ir-rata ta’ ffullar għal persuni f’riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali u qal li din hi ta’ 9.2%. u iktar minn terz (36.1%) ta’ dawk li wieġbu stħarriġ li sar qalu li huma mġassba dwar it-tniġġis, il-ħmieġ jew l-problemi ambjentali b’rabta mal- akkomodazzjoni fejn joqogħdu.

Problema oħra hi l-istorbju mill-ġirien jew mit-triq, li kien esperjenzat minn 30.8% tad-djar kollha. 700 familja li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali qed jgħidu li darhom m’hix ta’ livell.

80.9% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li l-ispejjeż tad-dar iħossuhom bħala piż. 78.6% huma mċaħħda materjalment b’mod sever qalu li l-ispiża tad-dar hija ta’ piż tqil għalihom.

Ivan Bartolo tkellem ukoll dwar il-burokrazija fl-Awtorità tad-Djar u qal li hemm bżonn li niġġieldu l-burokrazija esġerata u insensata u l-framentazzjoni bejn dipartimenti entitajiet u ministeri. Din hija frustrazzjoni kbira għal min jersaq lejn l-Awtorità tad-Djar.

“Irridu nġibu lura l-fiduċja fl-Awtorita tad-Djar, għaliex bosta huma mħassba dwar dak li ġew imwegħda minn żmien għal żmien. Għax jekk inti ma tindirizzax diffikultà soċjali fil-pront tkun qed tirriskja u ħafna drabi dik il-problema timmultiplika fi problemi oħrajn.

“Għalhekk aħna determinati li jkollna politika soċjali li tkun integrata biex kemm jista’ jkun nintervjenu fil-ħin u b’modi varji ma’ imsieħba varji. Għax meta l-pedament jitmermer jaqa l-bini. L-istess jiġri meta tibqa’ taħbi l-problemi taħt it-tapit biex tidher sabiħ u tgħatti l-iżbalji tiegħek.”