Lokali Parlament

Il-Gvern qed jiżgarra kontinwament fiċ-ċifri tad-djun u d-defiċit ta’ pajjiżna

  • id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco

Mario de Marco, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, qal li tajjeb li dan l-Abbozz ta’ Liġi jkun diskuss fl-isfond li d-djun u d-defiċit tal-Gvern kulma jmur qed ikomplu jiżdiedu għal ċifri mill-aktar eżorbitanti.

Hu qal li t-tbassir tal-Gvern id-dejn pubbliku jkun ogħla minn dawn iċ-ċifri, u dan anki fid-dawl tal-fatt li d-dħul tal-Gvern fl-aħħar snin beda jmajna. Il-Gvern iħobb ħafna jwaħħal fil-Covid-19, iżda fil-verità hemm għadd ta’ raġunijiet oħrajn li qed iwasslu biex il-pajjiż qiegħed ikollu d-dejn tiegħu jispara dejjem ’il fuq.

Għas-sena li għaddiet il-Ministru tal-Finanzi antiċipa djun ta’ €750 miljun, iżda mbagħad kellna dejn ta’ €1.5 biljun. Jiġifieri l-Ministru tal-Finanzi mar żmerċ ftit mhux ħażin. Dan ifisser li kif ġara fis-snin li għaddew il-probabbiltà l-kbira hi li anki fis-snin li ġejjin il-proġettazzjonijiet tal-Gvern ma humiex se jkunu realistiċi u hekk id-djun ikun ferm akbar minn dak antiċipat mill-Ministru tal-Finanzi.

Hu qal li quddiem dan kollu l-poplu bir-raġun kollu li juri t-tħassib tiegħu u jagħmel għadd ta’ mistoqsijiet, fosthomukoll dwar x’se jkun l-impatt fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna l-Grey Listing li għandna mdendel fuq rasna, il-Minimum Corporate Tax u anki l-falliment tal-Air Malta.

Hu qal li ż-żieda fid-Dejn Pubbliku hi dovuta wkoll għall-infieq bla rażan u anki grazzi għall-kuntratt skandaluż li l-Gvern għamel mal-Vitals.

Mario de Marco qal li filwaqt li l-Gvern ikompli jwaħħal fil-Covid-19 dwar id-djun u d-defiċit dejjem jiżdiedu, imma fil-verità hemm għadd ta’ raġunijiet oħrajn, uħud minnhom inspjegabbli bħal mod kif il-Gvern qed iħallas il-miljuni kbar lil Steward Healthcare li sas-sena d-dieħla se jkunu ngħataw mad-€90 miljun.

Hu qal li anki fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali hemm ċanfira lill-Gvern f’kull livell tiegħu għall-infieq bl-addoċċ u għan-nuqqas serju dwar kif jintefqu flus il-poplu Malti u Għawdxi. L-Awditur Ġenerali identifika lista sħiħa ta’ nuqqasijiet serji u l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi għandu janalizza fid-dettall dan l-infieq, fosthom il-kira ta’ żewġ miljun ewro fis-sena ta’ showroom fiż-Żejtun għal total ta’ aktar minn €30 miljun. Din hi kirja skandaluża li dwarha l-Ministru Silvio Schembri għandu ħafna xi jwieġeb għaliex hu inspjegabbli kif il-Gvern jasal biex jagħmel kirja bħal din minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

Hemm aktar rapporti, inkluż dwar il-Kummissjoni Maltija tal-Films, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Aġenzija tal-Ħabs u tant oħrajn fejn ingħataw direct orders li qatt ma messhom ingħataw. Ebda kontroll, anzi l-proċeduri stabbiliti miksura u injorati bl-aktar mod sfaċċat biex igawdi l-ftit ta’ ġewwa.

Hawn nuqqas ta’ prudenzja fiskali u nuqqas ta’ trasparenza u xi ħadd irid iwieġeb għal dan kollu, inkluż dwar il-famuż kuntratt oxxen u skandaluż li l-Gvern għamel mal-Vitals. Anki l-Awditur Ġenerali kellu kliem iebes dwar dan il-kuntratt li żgur li ma hux fl-interess veru tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-poplu għandu d-dritt li jkun jaf x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan kollu. Il-Gvern għandu jemmen li dan għadu the real deal u li Steward se jiddeliverjaw? Jew xejn minn dan kollu?

Il-Ministru tas-Saħħa wkoll għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jwieġeb għal dan kollu. L-istess Ministru tas-Saħħa li ta liċ-Chief Canvasser tiegħu deal ta’ €163,000 fis-sena bħala Chief tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċinali.

Issa l-poplu qed jistaqsi wkoll dwar it-telf li qed tagħmel kuljum l-Air Malta. Il-Gvern stess qal li l-Air Malta qed titlef mal-€170,000 kuljum! L-Air Malta li tordna żewġ ajruplani long-haul mill-Airbus! Imma dan x’ġenn hu? Meta saret din l-ordni? Kienet approvata mill-Bord tad-Diretturi din l-ordni u kemm ġiet tiswa? Kif kienet se tkun iffinanzjata din l-ordni? Il-Gvern kien se jidħol hu biex jiffinanzja hu din l-ordni? Ta xi garanzija?

Issa l-Ministru qal li biddel l-ordni għal tliet ajruplani short-haul! Dan filwaqt li l-Gvern qed jipprova jbiegħ l-ajruplani li għandna? Min se jħallas għal dawn id-deċiżjonijiet ħżiena?

Imbagħad żieda bla rażan ta’ impjiegi fis-Settur Pubbliku. Fl-2013 kien hemm mal-40,000 persuna jaħdmu fis-Settur Pubbliku, iżda issa hemm fih aktar minn 50,000 persuna. Dan apparti mill-eluf ta’ ħaddiema li qed jaħdmu xogħol prekarju ma’ kumpaniji li suppost qed jagħtu servizz lill-Gvern. Min se jagħti spjegazzjoni għal dan kollu?