Lokali Parlament

Il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja għandha tkun indirizzata b’mod immedjat

  • id-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara

Id-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li fil-pajjiż hawn sitwazzjoni ta’ tħassib dwar l-għoli tal-ħajja. Id-dmir tagħna hu li nwasslu dawn il-preokkupazzjonijiet biex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jindirizzawhom qabel ma jkun tard wisq.

Din il-ġimgħa rajna u qrajna rapport wara l-ieħor fuq il-parti l-kbira tal-gazzetti lokali, ilkoll mimlija kummenti u opinjonijiet dwar kemm għolijet u qed tkompli t’għola l-ħajja ġurnata wara l-oħra.

Dan kollu jixhed biċ-ċar kemm kienet f’waqtha l-kritika li għamilna waqt id-diskussjoni tal-Baġit fejn ikkundannajna l-għotja ta’ €1.75 għal l-għoli tal-ħajja.

Maria Deguara qalet li barra din iż-żieda miżera, kien hemm numru ta’ miżuri addizzjonali intiżi biex jgħinu dawk il-familji l-aktar fil-bżonn. Minkejja dan huma proprju dawk li qed jirċievu dawn il-benefiċċji addizzjonali li l-aktar li qed isibuha diffiċli jlaħħqu maż-żieda sfrenata fil-prezzijiet.

Studji juru li l-ikla ta’ kulljum ta’ dawk il-familji l-aktar fix-xifer tal-poverta u allura dawk fostna l-aktar fil-bżonn ta’ għajnuna, hi ibbażata fuq il-konsum ta’ karboidrati aktar milli ikel ta’ kwalità.

Hi qalet li l-ikel tipiku ta’ madwar erbgħin fil-mija tal-Maltin, jew aħjar ta’ madwar 200,000 fostna, jikkonsisti fil-parti l-kbira fil-konsum ta’ ħobż, għaġin, ħalib, ġobon u zokkor. Sfortunatament din il-kwalità’ ta’ ikel tikkontribwixxi bil-kbir għar-rata għolja ta’ obeżità li tiefni l-poplu tagħna.

Minkejja dan huma proprju dawn l-oġġetti li qed jogħlew minn ġurnata għall-oħra. Ikel tajjeb għas-saħħa bħall-ħut, laħam u ħaxix frisk dejjem kien aktar għoli u l-ebda żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa ma qatt tista’ tippermetti li dawn jibdew jinxtraw ta’ kulljum. Aħseb u ara kemm jistgħu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja dawk li minħabba mard jinħtieġu dieta speċjali.

Hi qalet li l-istess żidiet fil-prezzijiet qed ikunu esperjenzati fil-qasam tal-prodotti mediċinali.

Issa nafu bħala fatt li ir-Retail Price Index fejn jidħlu l-affarijiet ta l-ikel żdied b’5.2 perċentwali minn Diċembru sal-lum. Nafu ukoll li kien hemm żieda ta’ madwar 4.1 perċentwali fl-ikel ġewwa r-restoranti u t-takeaways. Affarijiet ta’ l-ikel fis-supermarkets għollew b’15 fil-mija minn Diċembru l-hawn.

Hu stmat ukoll li l-affarijiet ta’ l-ikel jiffurmaw madwar 20 fil-mija tal-basket li fuqu tiġi ikkalkulata l-COLA.

Hi qalet li kien għalhekk li fl-aħħar Baġit bħala Oppożizzjoni ipproponejna żidiet fil-pensjoni tal-irtirar. Żidiet aktar għolja minn dawk li tal-Gvern u għamilna hekk biex nkomplu niżguraw kwalità u livell ta’ għejxien diċenti.

Ressaqna numru ta’ proposti fosthom waħda biex inħeġġu pensjonanti li għadhom fiżikament b’saħħithom u li jixtiequ jkomplu jaħdmu jingħatawinċentiv biex jagħmlu dan.

Ipproponejna ukoll tnaqqis fil-kera tal-arloġġi tad-dawl u tal-ilma għall-pensjonanti biex jibqalhom aktar flus fil-but.

Għalhekk ipproponejna inċentivi finanzjarji biex inħajru aktar żgħażagħ jersqu fejn l-aktar li għandna bżonnhom speċjalment fis-settur tas-Saħħa u tal-Anzjani u Anzjanità Attiva.

Għall-istess raġuni ipproponejna li s-sealing tax-taxxa għandu jogħla biex il-pensjonanti ikollhom aktar flus disponibbli, temmet Maria Deguara.