Lokali Parlament

Illejla jkun diskuss l-Abbozz ta’ Liġi tal-PN favur il-governanza tajba

Stennija għal diskors importanti mill-Kap tal-PN Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista llejla se jara li pajjiżna jibda jindirizza l-isfidi li għandu b’rabta mal-governanza, skont kif issuġġerit fir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan hekk kif il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġi li ressaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ jkaxkar saqajh milli jimplimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

B’dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li f’pajjiżna tieqaf l-impunità u tkun miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Id-diskussjoni fil-Parlament se tinfetaħ u tingħalaq minn Deputati tal-Partit Nazzjonalista. Matulha wkoll mistenni diskors importanti mill-Kap tal-Partit Bernard Grech, li se jispjega kif ladarba Robert Abela ddeċieda li ma jiddeċiedix, se jkun il-Partit immexxi minnu li jagħmel dan.