Lokali Parlament

Impenn favur kwalità ta’ ħajja aħjar

Graziella Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea sostniet fl-ewwel diskors tagħha fl-Aġġornament fil-parlament li se tkun impenjata biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti permezz ta’ inizjattivi fil-lokalitajiet.

Hi qalet li kif bosta jafu jien twelidt, trabbejt u għixt fil-politika minħabba li missieri serva għal iktar minn 30 sena fil-parlament Malti. Minkejja dan, dejjem kienet għażla tiegħi biex nidħol f’dan il-qasam u tlajt it-taraġ pass pass b’ħidmieti. Kont l-iżgħar Sindku u l-ewwel mara li servejt bħala sindku f’din il-lokalità. Stajt niltaqa’ ma’ diversi residenti, nifhem il-bżonnijiet tagħhom u nara kif nista’ ntejjeb ħajjithom.

Kelli wkoll l-opportunità li nkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali għal żewġ elezzjonijiet, li t-tnejn li huma spiċċaw f’by-elections rari. Fl-aħħar għadd, l-għażla kienet bejni u bejn missieri. L-aħħar elezzjoni ukoll kienet sitwazzjoni unika fejn fl-aħħar għadd jien u David Thake spiċċajna eżatt bl-istess ammont ta’ voti.

Nixtieq ngħaddi messaġġ liż-żgħażagħ u lin-nisa biex ma jaqtgħu qalbhom qatt. Il-ħajja politika hi waħda li biha lkoll nistgħu nkunu ta’ servizz, nistgħu nkunu ta’ għajnuna f’diversi setturi, dejjem jekk is-siġġu parlamentari jintuża bl-aħjar mod. Insibu kemm insibu ostakli għandna nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna, nibqgħu naħdmu għal dak li nemmnu fih. Il-perseveranza u d-determinazzjoni għandhom iwassluna għall-għan aħħari tagħna; dak li nkunu ta’ ġid għall-Maltin u tal-Għawdxin.

Ngħaddi ringrazzjamenti kif inhu xieraq f’dan il-messaġġ. L-ewwel lil missieri Ċensu u lil ommi Grace li tawni l-valuri li għandi llum.Li għallmuni l-valuri tal-onestà u l-lealtà li tant huma importanti f’kull ħaġa li nwettqu matul ħajjitna. Li għallmuni nagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Li nagħżel dak li hu ta’ ġid u mhux dak li hu popolari. Nixtieq nirringrazzja lir-raġel tiegħi Clayton li, sa mill-ewwel ġurnata li ltqajna, dejjem kompla jkun ta’ motivazzjoni għalija, fehem li din il-ħajja tfisser inqas ħin flimkien, u inqas ħin ta’ rilassament u flok qatagħli qalbi, tani s-sapport kollu li kien hemm bżonn. Grazzi lill-familji tagħna tal-valuri u prinċipji li rawwmu fina, tat-trobbija li tawna, tal-paċenzja u tal-għajnuna li joffrulna b’mod partikolari meta tkun riesqa xi elezzjoni, u li mhux darba jew tnejn kellhom jaffaċċjaw diffikultajiet minħabba fija.

Grazzi lit-tim tiegħi fejn kontinwament naħdmu flimkien biex inkun nista’ niltaqa’ ma’ diversi persuni u nkunu ta’ għajnuna u spalla lejn kull min jixtieq. Grazzi lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar tal-fiduċja li dejjem tawni sa mill-ewwel elezzjoni li kkontestajt, Grazzi lill-elettorat tat-12-il distrett li kien u għadu juri fiduċja fija u li issa qed nirrappreżenta f’din l-istituzzjoni. Se nagħmel ħilti biex fil-jiem li baqa’ kif ukoll matul il-leġiżlatura li jmiss nista’ nkun tal-aqwa servizz għalihom kif ukoll għall-elettorat tas-7 distrett li jiena wkoll kandidata fuqu hekk kif ġejt approvata numru ta’ xhur ilu mill-Eżekuttiv tal-PN. Irridu nindirizzaw il-problema tal-għoli fil-prezzijiet qabel tkompli tħalli impatt ikbar fuq in-nies, filwaqt li naraw l-interess tal-ħaddiem u ta’ min iħaddem. Minħabba li qed insemmu l-ikel u l-prezzijiet niftakru fil-bdiewa u r-raħħala tagħna fejn bħalissa qed jaffaċċjaw problemi mhux żgħar u li forsi qed iħossuhom minsija.

Ma’ dawn norbot l-importanza tal-għalliema u kemm ghandu jkun hemm iktar inċentivi biex inħajru aktar żgħażagħ jaħdmu fis-settur edukattiv. Irridu nindirizzaw is-settur tal-bini, fejn għandna żgħażagħ u se jkollna ‘l quddiem, li qed isibu diffikultajiet kbar biex jinvestu fi propjetà tagħhom.

Irridu naraw li jkollna aktar spazji miftuħa biex il-familji jgawdu aktar ħin ta’ kwalità fl-ambjent naturali, din il-pandemija għallmitna kemm il-kwalità tal-ħajja hi importanti. Irridu naraw li jkun hemm investiment xieraq u interess ġenwin f’setturi bhal dawk tal-arti, kultura u sports.

Irridu naraw li jkun hemm investiment xieraq fit-turiżmu, investiment li mhux ikun traqqieh u b’naqra żebgħa imma permezz ta’ proġetti kapitali kbar kemm mill-gvern u kif ukoll bl-ghajnuna tal-gvern lill-privat. Iż-żewg distretti li jien nikkontesta fihom eluf ta’ sodod fil-lukandi u numru kbir ta’ siti ta’ mportanza storika. Hu għalhekk importanti li dan is-settur jibqa’ jkun imħares u moghti importanza iktar milli qed jingħata sa issa. Dan jista’ jsir jekk intejbu l-ambjent ta’ madwarna, nimmodernizzaw l-ispazji miftuha u nivestu aktar fihom, ninvestu fil-ġojjelli ta’ bini storiku li ghandna fil-lokalitajiet tagħna u ninvestu wkoll biex ikollna kwalità ta’ ilma baħar aħjar.

Is-sigurtà fil-lokalitajiet tagħna hu settur fejn fadlilna x’ninvestu. Irridu naraw li l-għasses jinfetħu 24 siegħa kuljum mhux bhal dik ta’ San Pawl il-Bahar u l-Mellieħa li ħafna drabi spiċċaw magħluqa.

Nirringrazzja lill-Kap tal-PN Bernard Grech tal-proposta li ressaq quddiem l-Eżekuttiv tal-PN biex jien niġi co-opted f’dan il-Parlament u lill-Kunsill Amministrattiv tal-PN li approva b’mod unanimu din il-proposta. Grazzi lil membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN li, waqt l-aħħar laqgħa approva, permezz ta’ vot sigriet u liberu, u b’mod unanimu din il-proposta.

Se nagħmel ħilti kollha biex din il-fiduċja nsarrafha f’ħidma.

Il-preżenza tiegħi hawnhekk fil-jiem li ġejjin mhux ħa tkun qiegħda tiffoka fuqi jew fuq l-istorja tiegħi, iżda hi dwar il-ħajja u l-esperjenzi ta’ dawk li jiena nirrappreżenta. L-intenzjoni tiegħi hi, li kif kont viċin in-nies matul l-aħħar 14-il sena nkompli nkun viċin tagħhom, din id-darba mill-Parlament.

Id-deċiżjonijiet li nieħdu hawnhekk, f’din il-Kamra, jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull Malti u Għawdxi. Għandna npoġġu hawn u naħdmu flimkien magħqudin għall-ġid tal-poplu tagħna biex tispiċċa darba għal dejjem il-perċezzjoni li forsi hawn li Gvern u Oppożizzjoni ma jaqblu qatt u f’xejn. Nafu li din il-leġiżlatura issa waslet fl-aħħar tagħha u allura nittama li jkolli l-privileġġ li nkompli bil-ħidma tiegħi matul il-leġiżlatura li jmiss.

Nittama li l-ħidma tiegħi f’din il-Kamra, li bdiet nhar it-Tnejn, tkun waħda li permezz tagħha nkun nista’ ngħin ukoll lil kull Malti u Għawdxi. Ilkoll nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex nagħmlu differenza fil-ħajja tal-poplu. Nemmen li dan hu dmiri bħala Membru Parlamentari.

Minn hawn nirringrazzja lil dawk kollha li se jagħtuni l-fiduċja tagħhom biex inkompli naħdem f’isimhom.