Lokali Qorti

Jeffrey Pullicino Orlando ordnat iħallas mara €15,000 f’danni wara intervent li mar żmerċ fi snienha

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale ordnat lid-dentist Jeffrey Pullicino Orlando sabiex jikkumpensa mara li ilha tnax-il sena ssofri minn uġigħ kroniku wara intervent li sarilha fi snienha, liema intervent ma rnexxiex.

Nathalie Bartolo tant kienet muġugħa li saħansitra qabditha dipressjoni. Hija kienet bdier proċeduri l-Qorti u ressqet rikors kontra Pullicino Orlando, kif ukoll kontra dentist ieħor, Alexander Azzopardi u d-Direttur Ġenerali tas-Saħħa u t-Tabib tal-Gvern, bil-Qorti iżda tiddeċiedi li dawn it-tnejn tal-aħħar ma’ kienux jaħtu għal dak li kien ġara.

Kien Marzu ta’ 13-il sena ilu, meta Bartolo marret għand Pullicino Orlando biex ineħħilha spazju vojt li kellha bejn is-snien, wara li dentist ieħor kien qalgħalha żewġt idras. Huwa waħħlilha bridge, u tliet xhur wara għamlilha ‘root canal treatment’ peress li bdiet tilmenta minn uġigħ kbir fix-xedaq.

Minkejja tliet interventi ta’ ‘root treatment’ Bartolo baqgħet muġgħuha, għalhekk ħames xhur wara neħħielha l-bridge. Madankollu xorta baqgħet muġugħa Bartolo marret għand dentist ieħor li qalilha li t-trattament ma kienx sar sew, u rreferiha għand id-dentist Alexander Azzopardi biex it-trattament isir mill-ġdid.

Wara ħames sessjonijiet ta’ trattamenti Bartolo ma rat l-ebda kambjament u xorta baqgħet muġugħa, għalhekk sarilha ‘bone biopsy’ f’Mater Dei, fejn irriżulta li kellha infezzjoni fl-għadma tax-xedaq. Minkejja li t-trattament reġa’ sar u Bartolo ngħatat diveri mediċini u differenti, anki minn dentist ieħor, baqgħet l-istess, u speċjalista li għamlilha ‘cryotherapy’ qalilha li kellha ħsara fin-nerv.

Madanakollu kkonferma li l-bridge u r-root canal treatment ma kinux saru kif suppost minn Pullicino Orlando, u allura dan għandu jirritorna lil Bartolo l-flus li kienet nefqet. Il-Qorti, qalet li l-perit mediku straħ fuq ir-rapporti u naqas li jagħmel l-iktar ħaġa essenzjali; dik li jeżamina lil Bartolo, u għalhekk ma tistax tagħti piż lill-konklużjonijiet tiegħu.

Il-Qorti qieset u ħadet nota tax-xhieda tal-‘pain specialist’ Dr. Marilyn Casha, li qalet li infezzjoni tista’ tikkawża wġigħ għal snin sħaħ bħal dak li qed tbati minnu Bartolo Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti ordnat lid-dentist Pullicino Orlando biex iħallas €15,000 f’danni lil Bartolo, kif ukoll €720 fi spejjeż mediċi.