Lokali Parlament

Konrad Mizzi ma jweġibx; jistaħba wara Ruling tal-Ispeaker

L-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi llum ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) billi staħba wara r-Ruling li hu stess talab lill-Ispeaker fil-laqgħa tal-bieraħ.

Fil-fatt, Konrad Mizzi iddikjara mill-bidu tal-laqgħa li kien qed jistenna r-Ruling qabel iwieġeb kull mistoqsija. Hu baqa’ jirrepeti din id-dikjarazzjoni għall-maġġoranza assoluta tal-mistoqsijiet li sarulu mid-Deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus.

Matul il-PAC, ingħad li qabel l-elezzjoni ġenerali nżammu diversi laqgħat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dwar il-proġett tal-Power Station u għalihom attendew fost l-oħrajn Brian Tonna – sid il-kumpanija Nexia BT – u David Galea, li mbagħad Konrad Mizzi kien tefgħu jmexxi l-Bord ta’ Evalwazzjoni tal-proġett.

Taħt Gvern Laburista, l-istess David Galea kien ingħata f’aktar minn €264,962 f’direct orders mill-Enemalta, kif ukoll għexieren oħrajn minn entitajiet differenti li kienu jaqgħu taħt Konrad Mizzi meta kien Ministru.

Min-naħa l-oħra, kien innutat li l-istess Bord ta’ Evalwazzjoni ta marki sħaħ lil kumpanija falluta u l-ebda marka lil kull kumpanija li kienet valida. U dan meta Konrad Mizzi kien responsabbli politikament mill-proġett tal-Power Station.

L-eks Ministru Laburista ħarab minn kull mistoqsija li saritu, iżda ma nħebiex wara r-Ruling biex jattakka lid-Deputati Nazzjonalisti. Fost l-oħrajn, u minkejja li l-PAC hu Kumitat importanti fil-ħidma tal-Parlament, hu qal li ma kienx se jwieġeb għax ma riedx ipaxxi lid-Deputati.

Matul din il-laqgħa, Konrad Mizzi ma ċaħadx li rċieva flus mingħand l-Electrogas tramite l-kumpaniji Macbridge u 17 Black, filwaqt li ma qalx jekk jaqbilx li t-tender tal-Power Station ingħata lill-Electrogas.

Min-naħa tagħhom, id-Deputati Laburisti fil-Kumitat iddefendew għal diversi drabi lill-eks kollega tagħhom, tant li spiċċaw jgħaddu kummenti purament partiġġjani.

Sadanittant, fi tmiem il-laqgħa, l-eks Ministru Laburista ma kkonfermax li se jattendi l-laqgħa li jmiss.