Lokali Parlament

Lista twila ta’ abbużi ta’ poter u korruzzjoni mill-Gvern Laburista sa mill-2012

  • Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet biex jimplimenta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha sa mill-2013 tikxef l-iskandli u l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista.

Hu qal li hemm lista twila ta’ skandli u abbużi ta’ poteri li fihom il-Gvern Laburista hu protagonista. Sadattant il-vuċi tal-Oppożizzjoni u tal-poplu taqa’ fuq widnejn torox għaliex il-Gvern ma jrid jagħmel xejn biex iwaqqaf il-ħakma tal-Mafja fuq pajjiżna.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jiddefendi l-istituzzjonijiet għaliex irid jaħdmu b’serjetà u fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista hu kontra min jiddefendi lill-kriminali u għalhekk jipprova jipparalizza lill-istituzzjonijiet.

Hu qal li l-poplu mhux se jibla’ l-lixka tal-Prim Ministru li għadu kemm qal li fl-aħħar sentejn ma kellux każ wieħed ta’ govenanza ħażina. Ikun tajjeb li l-Prim Ministru jqum mir-raqda li jinsab fiha u għandu wkoll jieqaf jgħid il-ħmerijiet għaliex ma hux jitwemmen.

Il-Prim Ministru għandu jivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi li jrid jeqred il-Mafja f’pajjiżna. F’aktar minn episodju wieħed dejjem ivvutaw lil nies bħal Konrad Mizzi! Tal-mistħija dan l-atteġġjament.

Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia messha qanqlet fil-Gvern kuxjenza biex jagħmel xi ħaġa konkreta ħalli pajjiżna jbiddel ir-rotta. Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jaħtaf din l-opportunità, jivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi u hekk jibdew jiġġieldu lill-Mafja. Imma l-Gvern ma jridx jieħu din l-opportunità għaliex jaf li l-Mafja hi huma stess u għalhekk iridu jiddefendu lill-Mafja.

Kif pajjiżna jista’ joħroġ mill-Grey Listing? X’jimpurtah il-Gvern mir-reputazzjoni ħażina ta’ pajjiżna. Illum għandna Gvern Laburista maqsum dwar Joseph Muscat li ftit tas-snin ilu kien dikjarat bħala ċ-Champion tal-Korruzzjoni fid-dinja.

Il-Gvern għandu jaħtaf din l-opportunità u jibda jitnaddaf mill-korrotti u mill-kriminali.

Min-naħa tiegħu l-poplu għandu jieħu l-inizjattiva hu wkoll u jwarrab lil dan il-Gvern korrott għaliex pajjiżna jixraqlu Gvern nadif u serju.