Kunsilli Lokali Lokali

Memorja xierqa għall-Kardjologu Albert Fenech fis-Siġġiewi

Fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista prezentaw mozzjoni sabiex il-memorja u x-xogħol tal-kardjologu Albert Fenech tibqa` mfakkra fis-Siġġiewi.

Il-kardjologu Albert Fenech imwieled is-Siġġiewi fl-1951, kien strumentali sabiex f’pajjiżna twaqqaf id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-1995 wara li laqa’ l-istedina tal-Gvern Malti, ġie Malta mill-Ingilterra u ħalla warajh il-vantaġġi kollha li kellu sabiex jkun ta’ servizz għal poplu Malti u Għawdxi.

Albert Fenech serva fit-12-il Leġislatura bħala Membru Parlamentari, u cioe`, bejn l-2013 u l-2016 f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-kunsillier u l-Perit Julian Borg stqar ma’ Net news li ‘huwa unur għalina is-Siġġiewin li l-Profs. Fenech mhux biss twieled is-Siġġiewi imma dejjem kellu is-Siġġiewi u r-residenti għal qalbu. Il-Profs. kien dejjem lest li jisma u jgħin f’kull cirkostanza anke meta il-ġranet tiegħu kienu impenjattivi.’

Il-mozzjoni ġiet maqbula mill-kunsilliera kollha b’mod unanimu u għalhekk ser jinbeda proċess sabiex il-memorja ta’ Albert Fenech tibqa mfakkra permess ta’ rapprezentazzjoni f’post pubbliku, tal-ħajja attiva u mimlija mħabba għal proxxmu tal-kardologu Albert Fenech.

Din il-mozzjoni ġiet proposta mil-Kunsillier Julian Borg u ssekondata mil-kunsilliera Alessia Psaila Zammit u l-kunsilliera Francine Farrugia.

F’istess seduta, il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fis-Siggiewi, talab lil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi sabiex il-ħidma ta’ Albert Fenech tiġi rrikonoxxuta mil-Kunsill Lokali u jibqa’ mfakkar fost il-komunita’ Siġġiewija. Din il-korrispondenza ntlaqat mil-kunsilliera preżenti.