Sport Sport Ieħor

Rebħa mportanti għal Depiro f’konfront dirett

Colin Schembri

Depiro 82

Mellieħa Libertas Spalding 73

(14-22)(22-19)(21-16)(25-16)

Run minn Depiro lejn it-tmiem kienet deċisiva biex ħadu rebħa mportanti kontra Mellieħa Libertas Spalding. Depiro tilfu lill-Amerikan Koby Thomas li ħalla pajjiżna wara biss partita waħda minħabba problemi familijari. Minn naħa tagħhom Mellieħa kienu bl-iskwadra kompluta però tilfu lil coach Adrian Mifsud fi tmiem it-tieni perjodu wara żewġ technical fouls. Għal ħin twil iż-żewġ timijiet kienu viċin xulxin għalkemm fl-ewwel parti tal-logħba Mellieħa kienu fuq quddiem ħlief wara l-ewwel żewġ attakki ta’ Depiro li marru 4-0 minn fuq bil-punti ta’ Michael Debattista u TJ Atwood. Atwood ikkonferma l-potenzjal tiegħu f’din il-partita fejn mexxa lil Depiro b’41 punt.  Wara l-ewwel punti ta’ Depiro fil-fatt, Mellieħa kellhom run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Austin Wrighten li wkoll kellhu partita posittiva. Bil- Mellieħa 10-4 minn fuq, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u b’Atwood u Avery Sullivan jagħmlu l-punti ta’ Depiro u Nikola Vasovic, Isaac Bonett u Malik Seldon jirrispondu għal Mellieħa. Lejn tmiem it-taqsima, trippli minn Vasovic u Wrighten taw vantaġġ ta’ 8 punti lil Mellieħa 22-14. Fit-tieni perjodu, l-players ta’ Mifsud saħansitra kellhom vantaġġ doppju 30-15 wara run ta’ 8-1 minn Wrighten u Vukassin Jandric. Depiro reġgħu bdew jirrispondu permezz ta’ Atwood, Miguel Brincat u Andy Attard però Mellieħa wkoll kellhom risposta minn Seldon biex baqgħu 39-27 minn fuq. Hawn Depiro kellhom mument tajjeb b’run ta’ 9-2 fosthom trippla ta’ Atwood biex Mellieħa daħlu jistrieħu 41-36 minn fuq.

Wara l-intervall, Depiro bdew b’seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Debattista biex marru fuq quddiem 43-41 . Mellieħa, issa mmexxija mill-assistent coach Joey Vella, rkupraw u reġgħu ħadu l-vantaġġ hekk kif Jandric u Nenad Bukva kellhom punti konsekuttivi. Attard għamel trippla għal Depiro li però kienet segwita minn break qasir ta’ 6-2 minn Mellieħa biex it-taqsima ntemmet f’parita ta’ 57-57. Fl-aħħar sessjoni ż-żewġ timijiet bdew jiġru wara r-riżultat tant li għal ħin twil kien hemm bilanċ fl-iskor u l-ebda team ma ħa xi vantaġġ sostanzjali. Mellieħa kellhom trippla minn Jandric però sensiela ta’ punti minn Atwood ħallew dejjem lil Depiro viċin. L-aħħar li Mellieħa kienu minn fuq kien b’basket ieħor ta’ Jandric 70-69 għaliex hawn waslet run deċisiva minn Depiro li għamlu 11 -il punt mingħajr risposta minn Atwood, Sullivan u trippla ta’ Brincat biex finalment ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 82-73.


Depiro:
S. Galea 2, B. Nel, A. Attard 5, N. Grech, S. Vella, TJ Atwood 41, M. Brincat 7, M. Mallia, A. Sullivan 22, M. Debattista 5, L. Vella.

Mellieħa Libertas: M. Falzon 2, V. Jandric 16, N. Vasovic 7, I. Bonett 3, C. Briffa, N. Bukva 7, M. Seldon 13, M. Azzopardi 2, CJ Cordina, N. Sultana, A. Wrighten 23.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu.

Starlites Naxxar 101

Bupa Luxol 80

(29-21)(21-21)(27-18)(24-15)

Starlites kisbu it-tmien rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Bupa Luxol 101-80 u saħħew posthom f’ras il-klassifika. Partita oħra kbira għall-Amerikan Canaan Coffey tal-vjola li spiċċa b’total ta’ 45 punt fil-waqt li l-punti ta’ Starlites kienu aktar maqsuma fuq diversi players. Minkejja d-distakk finali, Luxol kienu fll-partita għal ħin twil u komplew juru qalb u grinta fil-logħob tagħhom minkejja li l-possibiltajiet li jaslu sal-playoffs qieghdin jonqsu. Kienu Starlites li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 9-3 bil-punti ta’ Kurt Xuereb, Mattew Scerri u Myles Thomas. Luxol kellhom it-trippli ta’ Coffey u Jean Paul Schembri b’Thomas ukoll jagħmel żewġ three pointers għal Starlites. Luxol resqu viċin wara punti minn Marco Matijevic u Juan Cefai qabel ma Starlites għamlu break ta’ 10-3 u baqgħu sejrin biex temmew l-ewwel sessjoni 29-21 minn fuq. It-tieni taqsima fetħet bi tlett baskets mingħajr risposta minn Starlites. Luxol ġew lura u kellhom run ta’ 10-0 kważi kollha minn Coffey bi Starlites jirrispondu permezz ta’ Thomas u trippla ta’ Jacob Bates. Luxol kellhom żewġ trippli oħra minn Cefai u Schembri biex waslu sa’ punt ‘l bogħod 39-40 u saħansitra għamlu l-iskor indaqs wara punti ta’ Coffey. Hawn Starlites għamlu run ta’ 8-0 biex daħlu jistrieħu 50-42 minn fuq.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bil-Luxol ikollhom it-trippli ta’ Coffey biex baqgħu tlett punti taħt l-avversarji 55-58. Baskets ta’ Xuereb u Alec Felice Pace flimkien ma’ trippla ta’ Bates reġgħu taw vantaġġ b’figuri doppji lil Starlites bit-teamijiet ikomplu jwieġbu lil xulxin sa’ tmiem il-perjodu għal skor ta’ 77-64. L-aħħar sessjoni fetħet bi trippla fuq kull naħa qabel ma’ Felice Pace u Jamiah Haynes kabbru l-vantaġġ ta’ Starlites għal 18 -il punt 90-72. Starlites komplew jikkontrollaw il-partita hekk kif Thomas, Haynes u Louie Farrugia għamlu sitt punti mingħajr risposta. Basket taż-żagħżugħ Isaac Azzopardi għaqqdilhom il-mitt punt bil-Luxol jagħmlu l-aħħar punti tal-partita hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 101-80.

Starlites: A. Felice Pace 15, I. Azzopardi 2, A. Azzopardi, I. Felice Pace 1, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 10, J. Bates 21, L. Farrugia 2, K. Xuereb 12, J. Haynes 16, M. Thomas 22.

Luxol: J. Cefai 6, N. Buhagiar, P. Attard 3, JP Schembri 11, A. Trapani 3, L. Trapani, C. Coffey 45, S. Opojevlic, M. Matijevic 6, S. Cappello 6.

Referees: Ivica Simic , Florentina Ciurariu, Nicky Azzopardi

Hibernians 103

Gżira Athleta 98

(26-18)(32-21)(23-23)(22-36)

Konxji mir-riżultati tal-partiti ta’ qabel, iż-żewġ timjiet riedu rebħa minn din il-partita. Hibs biex ma jililfux il-pass ma’ Starlites u Gżira Athleta biex jibqgħu viċin tal-grupp li qiegħed jiġġieled għal post fil-play-offs. Finalment wara partita mill-isbaħ kienu Hibernians li ħadu r-rebħa f’partita li offriet aktar minn mitejn punt 101-98. Kienu ħafna l-ispunti posittivi f’din il-partita fejn għal Hibs irritorna David Bugeja fil-waqt li Nathan Xuereb u Matthew Gouder qasmu bejniethom 43 punt mit-98 finali tal-Athleta. Il-partita fetħet biż-żewġ timijiet kontinwament jirrispondu lil xulxin bil-Hibs ikollhom tlett trippli minn Christian Soderholm u Mason Vires. Wara li Athleta kienu punt minn fuq 18-17, il-Pawlisti għamlu run ta’ 9-0 minn Vires, Soderholm u Anton Axiaq biex temmew l-ewwel sessjoni 26-18 minn fuq. Hibs kabbru l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni perjodu wara punti minn Vires u David Bugeja però Athleta kellhom risposta permezz ta’ Zachery Hudson u Gouder u naqqsu d-distakk għal seba’ punti 25-32. Bugeja għamel trippla għal Hibs, l-istess kif għamel Xuereb in-naħa l-oħra. Wara d-dħul ta’ Ivan Demcesen, Hibs għamlu run ta’ 11-0 bi trippla oħra ta’ Bugeja għal skor ta’ 58-39.

Wara l-intervall bdiet ir-rimonta tal- Athleta speċjalment mill-Amerikani Hudson u Shawn Montague. L-Amerikani flimkien ma’ Gouder u Xuereb għamlu run ta’ 12-5 li rathom jerġgħu jaslu sa’ 12 -il punt ‘l bogħod. Vires kellhu ħames punti konsekuttivi fosthom trippla u flimkien ma’ Soderholm reġa’ kabbar il-vantaġġ għal Hibs 81-62. Athleta għamlu sforz finali fl-aħħar taqsima fejn wara trippla ta’ Gouder, huma għamlu run qawwija ta’ 19-4 bil-punti ta’ Gouder, Xuereb, Hudson u Montague. Issa Athleta kienu biss 3 punti taħt l-avversarji 86-89 u l-partita saret aktar akkanita. Soderholm u Vires taw ftit tan-nifs lil Hibs meta għamlu sitt punti mingħajr risposta. Xuereb żamm lill-Athleta viċin b’żewġ trippli oħra però l-ħin kien kontrijhom u Hibs bdew idawwru l-ballun biex jiddefendu l-vantaġġ li kellhom. Athleta rrikorew għal fouls biex iwaqqfu l-arloġġ però Soderholm u Vires għamlu l-freethrows tagħhom biex Hibernians ħarġu rebbieħa 103-98.

Hibs: M. Vires 28, N. Cassar, D. Bugeja 16, L. Farrugia, K. Dimech 2, A. Axiaq 5, R. Aquilina, M. Attard 4, C. Soderholm 32, I. Demcesen 14, P. Shoults 2.

Gżira Athleta: Z. Hudson 31, S. Montague 18, F. Mifsud Bonnici 6, L. Stefanovic, N. Xuereb 29, M. Gouder 14, I. Xuereb, S. Vincic 4, B. Zammit.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Vladimir Nikolic