Futbol Sport

Replay b’xandira speċjali u innovattiva fl-aħħar sigħat tal-kampanja akkwisti

Nhar it-Tnejn li ġej, 31 ta’ Jannar, fuq Net FM u b’mod awdjo-viżwali permezz ta’ Facebook LIVE, Replay se jniedi inizjattiva ġdida għax-xena tal-futbol lokali bi programm speċjali li se jsegwi b’mod dirett l-aħħar sigħat tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.

‘Replay Transfer Deadline Day’ se tkun xandira maratona u speċjali, ta’ aktar minn tliet siegħat u nofs. Matulha se jkun hemm is-sehem dirett ta’ diversi membri mit-tim ta’ Replay, u li ħafna minnhom ikunu qed jaħdmu minn wara l-kwinti fil-kontenut ġurnalistiku u l-produzzjonijiet varji, li ġimgħa wara l-oħra jkun qed iwassal Replay lid-dilettanti tal-futbol lokali.

F’pajjiżi oħra fl-Ewropa, l-akbar stazzjonijiet ta’ grajjiet kurrenti u sportivi, ilhom jippreżentaw idea simili għal dik ta’ ‘Replay Transfer Deadline Day’; programm informattiv u bl-aħħar aħbarijiet esklussivi, fl-aħħar sigħat tas-suq tat-trasferimenti. F’Malta, din l-inizjattiva se ssir għall-ewwel darba minn Replay, u se tkun qed tiffoka l-aktar fuq ix-xena lokali, b’aċċenn għal dak li jkun qed jiġri fl-isfera internazzjonali.

Din ix-xandira speċjali, u li se timmarka l-ewwel waħda tax-xorti tagħha fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv imxandar f’Malta, se tkun qed tiġi ppreżentata u kkordinata mill-producer eżekuttiv tal-programmi Replay, Christian Micallef u l-editur tal-paġna ta’ Replay fuq Facebook, Matthew Mamo. Flimkien magħhom se jkunu qed jingħaqdu Rowen Camilleri u Roderick Vella, b’dan tal-aħħar se jkun qed iwassal l-aħħar aħabarijiet u żviluppi li se jkunu qed iseħħu fl-aħħar sigħat tas-suq tat-trasferimenti fid-diversi kampjonati fl-Ewropa.

Għal kampanja akkwisti oħra, il-paġna ta’ Replay fuq Facebook reġgħet kienet l-aktar sors popolari u segwit mid-dilettanti tal-futbol lokali biex ikunu jafu l-aħħar stejjer u aħbarijiet marbuta mas-suq tat-trasferimenti. Tul dawn l-aħħar snin, Replay bena reputazzjoni mill-aqwa, li kull storja żvelata minhu, tkun kollox għajr spekulattiva, fittiżja jew nieqsa mill-veritá. Din il-fama kompliet tgħolli l-profil ta’ Replay u t-tmexxija ta’ din l-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-futbol lokali, ħasset li kien wasal iż-żmien li tagħmel pass ieħor innovattiv għall-ġurnaliżmu sportiv f’Malta, b’trasmissjoni speċjali u diretta fl-aħħar sigħat tal-kampanja akkwisti f’Malta u lilhinn.

F’Malta s-suq tat-trasferimenti jagħlaq f’nofs il-lejl, ta’ nhar it-Tnejn 31 ta’ Jannar u għalhekk permezz ta’ Replay, l-aħħar sigħat se nkunu nistgħu ngħixuhom flimkien, waqt li wieħed se jkun jista’ isegwi b’mod dirett kwalunkwé żvilupp li jkun qed iseħħ, inkluż trasferimenti tal-aħħar mument.

Il-kampanja akkwisti ta’ Jannar għall-klabbs tal-futbol Malti, tiġi fit-tmiemha nhar it-Tnejn, 31 ta’ Jannar, f’nofs il-lejl. Permezz ta’ ‘Replay Transfer Deadline Day’ id-dilettanti tal-futbol lokali se jkunu jistgħu ssegwu dak li seħħ diġa’ u li se jkun qed iseħħ fl-aħħar sigħat tat-trasferimenti.

‘Replay Transfer Deadline Day’ se jkun qed jagħti ħarsa fid-dettall lejn l-akkwisti tal-klabbs kollha lokali, li saru matul is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, b’analiżi ta’ kif dawn l-akkwisti se jaffettwaw l-andament tal-istaġun. Matul il-programm se jkun hemm diversi interventi, minn Presidenti, uffiċjali u Team Managers ta’ klabbs lokali, mill-Kampjonat Premier, Challenge League u l-Amateur League. Huma se jkollhom l-opportunità li jitkellmu dwar il-ħidma tagħhom f’Jannar, u l-għanijiet tagħhom sa tmiem l-istaġun.

Se jkun hemm ukoll diversi interventi, fosthom minn persuni midħla tal-futbol internazzjoni, li se jkunu qed janalizzaw dak li seħħ fis-suq tat-trasferimenti barra minn pajjiżna, kif ukoll persuni li jsegwu l-kampjonati lokali, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

F”Replay Transfer Deadline Day’ se jingħataw l-aħħar aħbarijiet marbuta mal-klabbs fid-diviżjonijiet kollha f’Malta, u anke f’Għawdex. Se tkun qed tingħata ħarsa dettaljata ukoll lejn dak li se jkun qed jiġri fl-aħħar sigħat, f’pajjiżi oħra Ewropej.

‘Replay Transfer Deadline Day’ se jkun qed jitwassal minn żewġ studio differenti ta’ NET FM, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi ġurnalisti u opinjonisti ta’ Replay. Id-dilettanti tal-futbol lokali għandhom żewġ tipi ta’ għażliet kif jistgħu ssegwu dan il-programm speċjali f’xandira diretta; jew permezz tar-radju fuq NET FM jew permezz ta’ Facebook LIVE fuq il-paġni ta’ Net Television u Replay, li b’mod simultanju se jkunu qed iwasslu l-istess xandira ta’ fuq ir-radju iżda b’mod viżiv ta’ dak li se jkun qed jiġri fiż-żewġ studios minn fejn se jkun qed jitwassal dan il-programm.

Ix-xandira diretta u speċjali se tkun qed tibda fit-8:30pm u tibqa’ għaddejha sa wara nofs il-lejl u se tixxandar simultanjament kemm fuq NET FM kif ukoll, b’verżjoni awdjo-viżiva permezz ta’ Facebook LIVE, fuq il-paġni ta’ Net Television u Replay.

Indubjament, b’din l-aħħar inizjattiva ta”Replay Transfer Deadline Day’, l-aġenzija Replay li tipproduċi xejn inqas minn tliet programmi televiżivi fil-ġimgħa u ieħor fuq ir-radju u l-midja soċjali, qed tkompli tikkonferma l-popolaritá li Replay ilu jħaddan fost l-udjenza li ssegwi l-futbol domestiku.