Internazzjonali

Stati Uniti: Miċħuda d-domanda tar-Russja biex l-Ukrajna tkun ‘ipprojbita’ min-NATO

L-Istati Uniti ċaħdet kategorikament id-domanda tar-Russja biex l-Ukrajna ‘qatt u taħt l-ebda ċirkustanzi’ ma titħalla tissieħeb fl-Alleanza tan-NATO. B’hekk, l-Istati Uniti qed turi li lesta biex tisfida lill-President Russu Vladimir Putin, li bagħat ‘il fuq minn 100,000 suldat mal-fruntiera tal-Ukrajna – fost is-sinjali li l-invażjoni tat-territorji Ukreni kapaċi sseħħ minn ħin għall-ieħor.

Il-pożizzjoni tal-Istati Uniti kienet enfasizzata mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken li ressaq tweġiba formali lir-Russja bħala parti mid-domandi ta’ Washington lejn soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukrajna. U filwaqt li Blinken ma offra l-ebda konċessjonijiet, hu qal li qed iħalli l-bieb miftuħ għar-Russja biex taqbad ‘direzzjoni diplomatika serja’ f’dan iż-żmien ta’ inċertezza għall-Ewropa.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov qal li l-President Putin għandu jevalwa r-reazzjoni ta’ Blinken.

Għalkemm id-document — li l-Istati Uniti ressqet b’koordinazzjoni man-NATO – ma tindirizzax it-tħassib tar-Russja dwar l-espansjoni tal-Alleanza tal-Punent lejn il-Lvant, Lavrov qal li ‘hemm tamiet dwar djalogu serju rigward kwistjonijiet oħrajn’. Il-kelliema għal Vladimir Putin qalu wkoll li r-Russja mhix se tgħaġġel biex toħroġ bl-evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni u lanqas mhi se tgħaġġel biex tanalizza r-reazzjoni ta’ Antony Blinken,

Ir-Russja ħarġet lista bil-miktub tal-kwistjonijiet li qed jinkwetawha l-aktar – fosthom l-espansjoni tan-NATO u issues tas-sigurtà relatati. Intant, qed tispikka d-domanda minn Moska biex ‘la l-Ukrajna u lanqas pajjiżi Ewropej oħra tal-Lvant ma jsiru parti minn dik l-alleanza’.

Fl-istess ħin – u minkejja l-preżenza tat-truppi u elementi oħrajn tal-‘battle groups’ Russi mal-fruntiera tal-Ukrajna – ir-Russja għadha tinsisti li mhix qed taħseb biex tinvadi lill-ġar.

L-Istati Uniti qed tinsisti dwar ‘il-prinċipji ewlenin’ fis-sitwazzjoni, fosthom ir-rispett għas-sovranità tal-Ukrajna u d-dritt ta’ dan il-pajjiż biex jagħżel li jifforma  parti mill-alleanzi tas-sigurtà, fosthom in-NATO.‘Issa kollox jinsab f’idejn ir-Russja biex tiddeċiedi t-triq ‘il quddiem u meta l-Istati Uniti u n-NATO jinsabu lesti għal kwalunkwe eventwalità’, sostna Antony Blinken.

L-Istati Uniti diġà bagħtet il-kunsinni ta’ għajnuna militari lill-Ukrajna, u li jinkludu missili tat-tip javelin, flimkien ma’ mijiet ta’ tunnellati ta’ munizzjon u tagħmir ieħor.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li d-dokument tal-alleanza dwar ‘is-sitwazzjoni’ ukoll wasal għand l-Uffiċjali ta’ Moska. Filwaqt li Stoltenberg hu lest biex jisma t-tħassib tar-Russja hu wkoll tenna li l-pajjiżi kollha għandhom id-dritt li jagħżlu l-arranġamenti tas-sigurtà li jridu huma.

Sadanittant, id-diplomati mir-Russja, l-Ukrajna, Franza u l-Ġermanja ikkonfermaw mill-ġdid l-impenn għall-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna li ilu effettiv għal snin wara li ribelli appoġġjati mir-Russja kienu ħatfu r-reġjun ta’ Donbass ( fl-Ukrajna).

L-erba’ pajjiżi qed ikomplu jappoġġjaw il-ftehim mill-ġlied —  ‘irrispettivament mid-differenzi dwar issues oħrajn’ — fir-rigward tal-ftehim ta’ Minsk tal-2015.

Fl-istess ħin, il-Viċi-Kap tal-Istaff tal-Kremlin ( ta’ Moska) Dmitri Kozak fisser it-tmien sigħat ta’ taħditiet f’Pariġi bħala ‘diffiċli’ u sostna li dawn il-pajjiżi għandhom jiltaqgħu għal aktar djalogu f’Berlin, fi żmien ġimgħatejn.

Id-deċiżjoni tar-Russja biex tissieħeb fid-djalogu ta’ Berlin qed titqies bħala ‘aħbar tajba’ għaliex tindika li Moska – almenu fil-ġimgħatejn li jmiss – mgħandhiex titbiegħed mit-triq tad-diplomazija.