Lokali Parlament

Wasal il-mument li ngħollu isem pajjiżna – Bernard Grech

Il-Liġijiet miġburin fl-Abbozz li tressaq mill-Partit Nazzjonalista għat-Tieni Qari huma l-ewwel pass biex nerġgħu naraw isem Malta mgħolli ‘l fuq fl-istima tiegħu u fl-istima ta’ dawk li jħarsu lejna minn barra. U għax aħna rridu nkunu miegħek, il-Partit Nazzjonalista kien u se jibqa’ fuq quddiemnett fil-bidliet importanti li għandhom isawwru u jibdlu lil pajjiżna.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt id-diskussjoni Parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi, li jiġbor fih 11-il Liġi u li sar konsegwenza diretta tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Abbozz li l-Gvern ta’ Robert Abela ivvota kontrih.

Waqt id-dibattitu Parlamentari, Bernard Grech qal li l-vot kontra min-naħa tal-Gvern hu vot kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta li Robert Abela stess kien wiegħed li se jimplimenta. Hu nnota wkoll kif il-Gvern ta’ Abela għamel minn kollox biex ma jiddiskutix dan l-Abbozz, tant li saħansitra sejjaħlu gimmick.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista reġa’ qed ikun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, tant li qed juri t-triq li għandu bżonn jieħu l-pajjiż. Tenna li qed ikun il-Partit Nazzjonalista li qed jagħti s-soluzzjoni ħalli pajjiżna joħroġ mill-grey list li jinsab fiha.

Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem għolla isem pajjiżna, bl-aħħar każ kien ftit tal-jiem ilu biss meta rajna kif l-MEP Roberta Metsola ingħatat vot ta’ fiduċja qawwi fil-Parlament Ewropew.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista ilu disa’ snin fil-Gvern – disa’ snin ta’ governanza ħażina u governanza li taqdi biss lil tal-klikka. Il-Gvern Laburista infena bi sparpaljar bl-amment tal-flus u każi kontinwi ta’ korruzzjoni, filwaqt li heżżeż kontinwament lill-istituzzjonijiet, bl-aħħar li għamel dan kien il-Whip Glenn Bedingfield.

Fuq kollox, spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, din il-leġislatura hi mmarkata bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għax ħasbu li se jagħlqulha ħalqha. Umbagħad saret l-Inkjesta Pubblika u seba’ xhur wara l-konklużjonijiet, il-Gvern mhux talli baqa’ ma għamel xejn, talli injorahom għal kollox u rreżista milli jidħlu fis-seħħ.

Minflok, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Malti hu bieżel, ħawtiel, onest u lest jagħmel is-sagrifiċċji għall-familja, basta jkollu Gvern li ma jumiljahx.