Coronavirus Lokali

COVID-19: Imutu 3 persuni oħra; Jiżdiedu l-pazjenti l-Isptar

Sfortunatament, il-Pandemija swiet il-ħajja ta’ tliet persuni oħra meta fl-aħħar sigħat mietu raġel ta’ 70 sena u żewġ nisa ta’ 84 u 91 sena rispettivament.

Dan ifisser li fl-aħħar sebat ijiem tilfu ħajjithom 23 persuna kawża tal-virus sabiex b’hekk it-total ta’ vittmi mill-bidu tal-Pandemija sal-lum tela’ għal 544.

Bejn l-Ħamis u l-Ġimgħa pajjiżna rreġistra 229 każi ġodda ta’ COVID-19 filwaqt li fiequ mill-virus 575 persuna.

Għaldaqstant l-ammont ta’ każi attivi issa huwa dak ta’ 3,597.

Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar sigħat, il-pazjenti fl-Isptar Mater Dei, b’kumplikazzjonijiet tal-virus żdiedu għal 105. Dan filwaqt li dawk f’qagħda kritika u li jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva issa niżlu għal 5.

Intant.. malli l-Gvern Laburista ħabbar ir-restrizzjonijiet ta’ Jannar abbinati mal-Covid-19, fejn fost l-oħrajn kulħadd kellu bżonn ċertfikat validu tal-booster sabiex jidhol f’bars u f’ristoranti fost l-oħrajn, is-settur tal-catering reġa ħa daqqa oħra … l-akbar daqqa minn mindu faqqet il-pandemija f’Malta. Dan hekk kif il-kummerċ naqqas drastikament meta kkumparat mas-sena 2020.

Hekk stqarr Matthew Pace, is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering f’intervista li saritlu.

“Mill-mument li bdejna mis-17 ta’ Jannar, l-impatt kien tremend. Igifieri mhux se ngħidlek statiċi naqsu imma meta jgħidu li qed ibigħu inqas mit-2020, igifieri mhux 2019, imma 2020.. is-sitwazzjoni hija inkwetanti.”

Matthew Pace ikkumenta fuq il-fatt li l-operaturi li jaħdmu f’dan is-settur lanqas m’huma f’kundizzjoni li jagħżlu bejn min hu mlaqqam u min mhux, u kellhom jisagrifikkaw l-ħaddiema tagħhom sabiex jaraw li l-klijenti huma mlaqqma bil-booster.

Is-Segretarju tal-assoċjazzjoni li tirrapreżenta l-bars u r-ristoranti saħaq li is-settur tal-catering jinsab għalkuptejh, u ma jiflaħx għal daqqa oħra.