Internazzjonali

Covid-19: L-Awstralja tirreġistra l-ogħla rata ta’ imwiet għal jum wieħed

L-awtoritajiet fl-Awstralja kkonfermaw li mietu 98 persuna bil-Covid fi żmien 24 siegħa, b’din tkun l-akbar ċifra tal-imwiet relatata għall-virus f’dan il-pajjiż mill-bidu tal-pandemija, sentejn ilu. Madwar 40 mewta kienu reġistrati fl-Istat ta’ Victoria, b’35 oħra ikunu konfermati fi New South Wales. Fl-aħħar 24 siegħa kienu rappurtati anki l-imwiet mill-Covid fl-Istati ta’ Queensland u South Australia.

Iċ-ċifra tal-imwiet kisret ir-rekord tal-ġimgħa l-oħra fejn kienu reġistrati 88 mewta  mill-Covid (fl-Awstralja) għal jum wieħed. Filwaqt li l-infezzjonijiet bil-Covid jidhru li laħqu ‘ir-rata massima’ fl-Awstralja, numru ta’ esperti mediċi qalu li l-ammonti tal-imwiet relatati mal-virus f’dan il-pajjiż se jibqgħu għoljin matul il-ġimgħat li ġejjin.

Intant, l-eliġibbiltà għat-tilqim booster fost l-Awstraljani issa qed tinkludi lill-adolexxenti bejn is-16 u s-17-il sena.

Dan wara li r-regolatur mediku fl-Awstralja ta l-approvazzjoni proviżorja biex dawn iż-żgħażagħ jingħataw it-tielet doża tal-vaċċin. Il-Ministru tas-Saħħa Awstraljan, Greg Hunt, madankollu qal li fadal l-approvazzjoni finali mill-grupp tal-konsulenti dwar il-vaċċin biex din il-miżura tingħata l-barka uffiċjali – bil-konferma tista’ tingħata anki mill-ġimgħa d-dieħla.

Il-perjodu ta’ stennija ( fl-Awstralja) bejn it-tieni u t-tielet dożi tal-vaċċin min-nhar it-Tnejn għandhom jonqsu minn erba’ xhur għal tlieta – b’dan il-pass mistenni jippermetti biex aktar Awstaljani jingħataw il-booster. Intant, stħarriġ fi New South Wales sab li nofs in-nies eliġibbli għall-booster kontra l-Covid-19 ma kenux jafu li, fil-fatt, setgħu jieħdu t-tielet doża