Lokali Qorti

Dun David Muscat iwieġeb mhux ħati ta’ “hate speech”

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia Dun David Muscat wieġeb mhux ħati fuq diskors ta’ mibegħda (hate speech) u użu ħażin tat-teknoloġija minħabba l-kummenti dispreġġjattivi tiegħu fuq persuni gay. Il-Pulizija ressqet akkużi ta’ reat ta’ mibegħda fuq żewġ kummenti li l-qassis poġġa fuq Facebook fil-bidu tas-sena. Il-Maġistrat qal li wieħed irid jara l-kuntest kollu tal-post.

L-akkuża hija kontestata, bid-difiża tgħid li ma tikkontestax il-fatt li l-post inkiteb, u li din kienet risposta għal risposta. Se ssir nota ta’ sottomissjonijiet minn naħa tad-difiża li tinċita wkoll sentenzi oħra f’dan ir-rigward. Id-difiża qalet ukoll li għandha lil Ranier Fsadni u Fr. Stefan Attard bid-difiża tgħid li wieħed irid jifhem il-kuntest tal-każ.

Il-maġistrat osserva li, f’dan il-każ, għalkemm dawn ix-xhieda huma ta’ tagħrif kbir, għall-fini tal-proċeduri ma kinux neċessarjament rilevanti għall-oġġett tal-prova. Qal iżda li hu lest li jisma’ għax irid ikompli jitgħallem. Sabiex isiru l-preparamenti fuq il-każ, il-Qorti qalet li se tibda tisma’ l-provi fl-4 ta’ Marzu li ġej.

Il-Qorti qalet li hemm bżonn li nużaw aktar għaqal fil-kummenti. “Xi ħaġa li tingħad minn Dun David trid tingħata u ġġorr ħafna piż u għalhekk kun iżjed prudenti fi kliemek”, qal il-Maġistrat Farrugia lill-akkużat. Fil-qorti ġie ppreżentat ilment li sar mit-Taqsima tal-Kriminalità ta’ Mibegħda u Diskors ta’ Mibegħda, minkejja li, strettament, ir-reat kien prosekubbli ex officio. L-Ispettur Kylie Borg qalet li l-prosekuzzjoni ma kellhiex aktar provi.

F’wieħed mill-kummenti, Dun Muscat ta’ 51 sena, tkellem dwar il-possibbiltà li s-suspettat fil-qtil ta’ tfajla Pollakka, Abner Aquilina kien gay, bisesswali jew ippossedut mix-xitan u qal li l-“gayness” hija agħar milli tkun possedut. Il-kumment l-ieħor tpoġġa taħt ritratt li juri lis-suspettat tal-qtil liebes flokk ikkulurit.

Muscat ikkummenta fuqu u qal li qisu kien għadu ġej lura mill-‘gay pride’. Il-pulizija setgħet qieset dan il-kumment bħala illegali talli timplika li nies li jattendu l-gay pride huma kriminali. Dun Muscat mhux se jitressaq il-Qorti l-Ġimgħa filgħodu b’arrest imma b’ċitazzjoni.

F’każ ta’ ammissjoni f’xi stadju tal-proċeduri, huwa jista’ jinħeles bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor għall-perjodu ta’ żmien jew jew jingħata sentenza sospiża, iżda dawn l-akkużi jistgħu jfissru wkoll ħlas ta’ eluf ta’ ewro f’multi u, fl-agħar każ, imma ferm improbabbli, jista’ jiġi kundannat piena ta’ ħabs sa 18-il xahar.

Huwa qed jiġi akkużat li kiser l-artikolu 82A tal-kodiċi kriminali, li ġie emendat reċentement, li jgħid li “min juża xi kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużiv jew insultanti…kontra persuna jew grupp ieħor fuq il-bażi ta’ sess, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew li biha tali vjolenza jew mibegħda razzjali jew reliġjuża x’aktarx li, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, titqanqal għandhom, meta jinstab ħati. jista’ jeħel priġunerija għal żmien minn sitta sa tmintax-il xahar.”

Huwa se jkun akkużat ukoll li uża ħażin tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika, u dan jista’ jiswih multa sa €23,000 f’multa, dejjem fil-massimu tagħha. Wara l-kummenti tiegħu, Dun Muscat kien issejjaħ fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija l-Ħamis, 6 ta’ Jananr wara nofsinhar, ftit wara li diversi attivisti kienu talbu għall-azzjoni tal-pulizija fil-konfront tas-saċerdot. Għal Muscat deheru l-Avukati Maria Mula u Chris Attard filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.