Internazzjonali

Ġappun: Tabib maqtul fi sparatura rari ‘il hinn minn Tokjo

Il-Pulizija Ġappuniża arrestat raġel wara assedju ta’ 11-il siegħa u wara l-konferma li dan ir-raġel spiċċa joqtol tabib li kien fost grupp ta’ ħaddiema mediċi li żaru d-dar tal-aggressur.

Ir-raġel ta’ 66 sena, identifikat bħala Hiroshi Watanabe, 66, qed jiffaċċja akkużi ta’ omiċidju wara l-inċident fl-inħawi ta’ Fujimono, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Tokjo.

Qed jingħad li l-vittma  — tabib magħruf sew man-nies – kien inżamm ostaġġ mill-aggressur u fejn hu spiċċa jaqla’ xi tiri li rriżultawlu fatali.

It-tabib, fil-fatt, miet l-isptar u meta mhux magħruf x’wassal eżatt għall-vjolenza fid-dar ta’ Watanabe – bl-awtoritajiet qegħdin imexxu investigazzjoni fuq il-post.

Il-vjolenza bl-armi hi rari ħafna fil-Ġappun fejn huma mħarsa l-liġijiet stretti ħafna rigward il-ġarr ta’ pistoli u azzarini.

Intant, l-istampa Ġappuniża qalet li l-grupp mediku li kien żar id-dar tal-aggressur fuq it-talba tiegħu stess sa ftit ilu kienu qed jieħdu ħsieb il-kura ta’ omm l-istess Watanabe li mietet fl-aħħar ġranet.

Ir-rapporti qalu wkoll li membru ieħor tal-grupp – infermier – ukoll qala’ xi tiri u li hu jinsab l-isptar f’sitwazzjoni kritika. Intant, kollega tiegħu rnexxielu jaħarb mid-dar u fejn mar jiġri lejn l-eqreb għassa biex jirrapporta dwar il-vjolenza.