Xiomara Castro, fl-aħħar sigħat, ħadet ir-riedni tal-Honduras bħala l-ewwel mara fil-kariga ta’ President fl-istorja ta’ pajjiżha.
Hi qed twiegħed aġenda radikali li għandha tpatti għal snin ta’ governanza mtappnin mill-iskandli u l-korruzzjoni. Intant, Castro kienet inawgurata President waqt ċerimonja mimlija bl-attrazzjonijiet fis-Stadium Nazzjonali ta’ Tegucigalpa u fejn ħadu sehem diversi gruppi etniċi residenti fil-pajjiż.
Xiomara Castro, tal-Partit għall-Ħelsien u Rifondazzjoni (Libre) tħaddan politika soċjalista demokratika u hi irnexxielha tikseb rebħa kbira fl-elezzjonijiet għall-Presidenza li saru f’Novembru.
Hu wkoll sinifikanti li l-bandiera tal-Honduras, taħt il-Gvern ta’ Castro, irritornat għall-kuluri oriġinali tagħha.
L-ewwel darba li Xiomara Castro ingħatat profil nazzjonali kien meta hi, fl-2009, mexxiet dimostrazzjoni fil-kapitali (Tegucigalpa) fejn insistiet ħalli żewħha, l-eks President Manuel Zelada, jirritorna fil-poter. Zelada tqaċċat mill-poter wara li s-suldati kienu daħlu fid-dar tiegħu u ħatfuh — bir-riżultat li hu kien kostrett li jgħix għal żmien fil-Kosta Rika.
Il-partit (Libre) ta’ Xiomara Castro rebaħ l-elezzjoni ta’ Novembru b’vantaġġ ta’ aktar minn 14-il punt perċentwali fuq l-avversarju ewlieni Nasry Asfura, is-sindku tal-kapitali u l-kandidat għall-Presidenza tal-Partit Nazzjonali tal-eks President tal-Honduras, Juan Orlando Hernández.
Bil- 1.7 miljun vot favur tagħha, Castro anki waqqfet rekord bħala l-aktar kandidat għall-Presidenza li qatt appella lill-poplu — bir-rebħa tenfasizza l-għatx tal-poplu biex jara bidla fil-pajjiż.
Qabel dan is-suċċess, Xiomara Castro kienet falliet fiż-żewġ kampanji preċedenti ( tal-2013 u l-2017) u meta l-Honduras jibqa’ fost l-aktar pajjiżi konservattivi tal-Amerika Latina, bi ftit nisa eletti fil-karigi uffiċjali.
//= $special ?>