“Il-bieb tagħna dejjem miftuħ għas-sapport kontinwu lill-ħaddiema tas-Settur tas-Saħħa.”
Kien dan kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt laqgħa li saret ma’ membri tal-Allied Healthcare Workers Union il-Ġimgħa waranofsinhar fid-Dar Centrali.
Bernard Grech wiegħed li l-partit se jkun dejjem warajhom biex jaslu għal dak li qed jimmiraw għalih. Dan filwaqt illi wiegħed li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jassigura li jkun hemm ħlas ugwali għall-istess impjieg. Dan hekk kif il-pagi f’dan is-settur mhumiex ġusti bejn il-ħaddiema.
Il-Kap tal-PN qal illi jirrikonoxxi l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li huma indispensabbli għal pajjiżna. Hu fid-dawl ta’ dan …. fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista; dik li l-ħaddiema tas-saħħa jingħataw bonus bħala ringrazzjament tax-xogħol siewi li għamlu matul il-pandemija.
Minn naħa tagħhom, il-membri tal-Union saħqu li hemm bżonn li l-Awtoritajiet jirrikonoxxu x-xogħol li jagħmlu. Dan filwaqt li jkun assigurat li l-ħaddiema kollha jiġu rispettati għall-kwalifiċi li għandhom.
Huma saħqu li hemm l-bżonn li jitnaqqas il-prekarjat u biex isir dan ….irid ikun assigurat li l-ħaddiema kollha jkollhom paga minima ogħla.
Preżenti ghal din il-laqgha kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista, Stephen Spiteri u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali, Ivan Castillo.