Lokali

Il-PN jippreżenta erba’ proposti għall-ġlieda kontra l-problema tal-faqar f’Malta

“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara li kull persuna timxi ‘l quddiem biex b’hekk ħadd ma jibqa’ lura.”

Kien dan kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt konferenza imtella’ il-Ġimgħa filgħodu mid-deputat Ivan Bartolo fil-binja l-ġdida ta’ Caritas Malta bl-isem ta’ ‘Neżisti jew Ngħix’ fejn ġew ippreżentati erba’ proposti għal kontra l-problema tal-faqar f’Malta.

Bernard Grech qal li wieħed m’għandux biss iħares lejn il-faqar materjali iżda wkoll lejn kull forma oħra ta’ faqar, fosthom dik psikoloġika. Dan hekk kif is-soċjetà Maltija għandha l-obbligu u d-dmir morali li nevalwaw ir-realtajiet kollha hekk kif, fi kliem Bernard Grech, min qiegħed bil-ġuh mhux se jiekol bl-istatistika dwar is-sitwazzjoni tal-qagħad.

Il-Kap tal-PN qal li kull individwu għandu d-dritt li jkollu mopħħ mistrih u mhux jaħseb kif se jkun qed iwassal sal-aħħar tax-xahar. Saħaq li wieħed ikun diżonest jekk jgħalaq għajnejh quddiem is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna hekk kif qed naraw żieda fid-domanda għal food banks.

Id-Deputat Ivan Bartolo qal li kull inidividwu għandu d-dover li ma jagħtix il-ġenb lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli. Hu fakkar li wieħed, ikun ġej minn fejn ġej, għandu d-dritt għal ħajja adekwata.

Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ħadem fuq numru ta’ proposti għal kontra l-faqar biex pajjiżna jimraħ fl-aspett soċjali għal soċjetà iktar ġusta, fosthom:

  1. Poverty Watch – Ikun hemm struttura għal kejl ġenwin u realistiku biex finalment ikun hemm strateġija nazzjonali għal ġlieda kontra l-faqar;
  2. Living Income – Jiġi stabbilit mekkaniżmu għat-twaqqif ta’ minimum living income;
  3. Solidarjetà ma’ dawk bla saqaf fuq rashom hekk kif mill-inqas 300 ruħ qed jgħixu fit-triq;
  4. Inrawmu is-social corporate responsability biex naraw responsabilità soċjali ta’ kumpaniji u korporazzjonijiet.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt qal kif Caritas ta’ kull sena tilqa’ mal-1,000 persuna biex jgħinuhom f’sitwazzjonijiet varji. Hu saħaq li qabel il-Covid dejjem kien hemm problemi ta’ saħħa mentali, iżda l-pandemija kkawżat kriżi ikbar hekk kif fost l-oħrajn kull individwu kellu jaddatta għal ħajja ġdida fost sfidi oħra bħall-għoli tal-ħajja. Fakkar dwar l-importanza li pajjiżna jsib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.

Preżenti fost l-oħrajn l-President Emeritus, Marie Louise Coleiro Preca fejn qalet li f’pajjiżna hawn ħafna li qed ibatu fil-faqar u hu għalhekk li hemm bżonn li l-faqar jispiċċa darba għal dejjem u mhux sempliċiment jonqos biss. Dan hekk kif il-faqar jieħu d-drittijiet tal-bniedem. Coleiro Preca rrikonoxxiet il-fatt li r-rata tal-qaghad tgħid li wieħed minn kull sitta jinsabu f’riskju li jispiċċaw fil-faqar… sitwazzjoni li tqisha bħala kriżi u bżonn li tittieħed azzjoni immedjata.

Minn naħa tiegħu, ir-Riċerkatur Vincent Marmara qal li minkejja li ħafna jirsistu biex jaħdmu ħalli ma jaqgħux fil-kategorija tal-faqar, jispiċċaw jeżistu minflok jgħixu hekk kif ix-xogħol jispiċċa ħajjithom. Hu qal li hemm bżonn għodda biex wieħed jgħix ħajja tajba.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti qal li hemm bżonn tittieħed azzjoni biex l-ebda persuna ma jkollha nuqqas tal-iktar affarijiet bażiċi. Hu saħaq li hemm bżonn li wieħed jirrikonoxxi li għad hemm min mhux qed igawdi mill-ġid tal-pajjiż biex finalment nirbħu l-ġlieda kontra l-faqar. Trid issir ukoll ħidma iktar personalizzata biex kull inidividwu jingħata l-attenzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Minn naħa l-oħra, Fr. Ivan Attard qal li hemm bżonn ta’ tibdil kif wieħed jara s-sitwazzjoni tal-faqar hekk kif hemm bżonn ta’ ġustizzja. Hu qal li s-sistemà ekonomika ma taħdimx biex tlaħħaq ma’ kull individwu fis-soċjetà u hu għalhekk li hemm il-bżonn għal tqassim ġust biex wieħed ilaħħaq mal-ħajja.

L-aħħar kelliem għal din il-konferenza, il-Kap tar-Riċerka fi ħdan Caritas Malta, Andre Bonello qal li l-isfidi soċjali jiġu esperjenzati minn ħafna, fosthom in-nisa, single parents, u l-istudenti, fost l-oħrajn. Hu saħaq li l-pagi f’pajjiżna qed ikissru lill-ħaddiema f’pajjiżna hekk kif mhux ilaħqu mal-ispejjeż ta’ kull xahar. Hu għalhekk li appella lill-Awtoritajiet biex jindirizzaw din il-problema biex l-ebda persuna ma taqa’ lura fis-soċjetà Maltija.