Lokali Parlament

Ivvutaw kontra imma m’għandhomx pjan aħjar minn tal-PN

Il-Gvern Laburista ilu li daħħalna fil-greylist tal-Financial Action Task Force 7 xhur. Għaddew 7 xhur u kien biss il-Partit Nazzjonalista li ħareġ bi pjan għall-ġid ta’ pajjiżna.

Fl-aħħar sigħat il-Partit Laburista ivvota kontra abbozz imressaq mill-PN biex fost l-oħrajn tibda tissolva l-pjaga tal-greylist. Pero, il-Ministri tal-Labour, mhux talli ma jgħidux għalfejn ivvutaw kontra abbozz li huwa intiż biex jiġu indirizzati nuqqasijiet f’pajjiżna.. imma talli vvutaw kontra mingħajr m’għandhom pjan aħjar għal pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista, fil-Parlament ressaq Abbozz ta’ Liġi bla preċedent li kien fih xejn inqas minn 11-il liġi differenti li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan sar bl-iskop li tkun offruta aktar sigurtà u serħan il-moħħ f’pajjiżna.

Abbozz li fost l-oħrajn jgħin biex f’pajjiżna tispiċċa l-korruzzjoni, jiżdied il-ġid komuni, il-governanza aħjar, aktar għodda lill-pulizija, ġurnaliżmu ħieles u fuq kollox, biex pajjiżna joħroġ mill-greylist u jerġa’ jsib ir-reputazzjoni li tixraqlu. Il-Partit Laburista, fil-Parlament vvota kontra dan kollu mingħajr m’għandu pjan aħjar biex jindirizza n-nuqqasijiet li qed jaffetwaw il-familji Maltin u Għawdxin.

Waqt id-dibattitu Parlamentari, Bernard Grech qal li l-vot kontra min-naħa tal-Gvern hu vot kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta li Robert Abela stess kien wiegħed li se jimplimenta. Hu nnota wkoll kif il-Gvern ta’ Abela għamel minn kollox biex ma jiddiskutix dan l-Abbozz, tant li saħansitra sejjaħlu gimmick.