Lokali Qorti

Kumpens ta’ €19,000 għal anzjan li l-kawża tiegħu damet tkarkar 19-il sena

L-Imħallef Lawrence Mintoff li kien qed jippresiedi kawża kostituzzjonali ordna li anzjan ta’ 72 sena jingħata kumpens ta’ €19,000 u dan wara li kawża kontrih fil-Qorti damet tkarkar 19-il sena. Angelo Zahra kien tressaq il-Qorti f’Lulju tal-2001 u ġie mixli li flimkien ma’ persuni oħra kien involut fit-traffikar ta’ droga.

Zahra kien ġie llibera mill-akkużi miġjuba kontrih u ddeċieda li jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali li żammu responsabbli għal dan id-dewmien. Huwa kien qal li ma jagħmilx sens li l-każ tiegħu dam daqstant fejn ġew ikkawżati lilu danni u li huwa assurd li ħa daqstant żmien biex jiġi deċiż.

ta’ 72 sena li l-kawża kontrih fil-Qorti damet 19-il sena biex inqatgħet se jingħata €19,000 bħala kumpens għal dan id-dewmien. L-Avukat Ġenerali bbaża l-każ tiegħu billi qal li dan id-dewmien ma kienx tort tiegħu. Madankollu l-Imħallef Mintoff ta raġun lil Zahra u saħaq li taħt ebda ċirkostanza ma’ l-prosekuzzjoni kellha tieħu 19-il sena biex tressaq il-każ tagħha.

Qal li xejn ma jiġġustifika dewmien ta’ din il-portata biex issir ġustizzja, għaliex kif kien argumentat waqt dawn il-proċeduri, iż-żmien, is-serħan il-moħħ u l-opportunitajiet li tilef ir-rikorrent (Zahra) minħabba l-akkużi li kellu jiffaċċja għal 19-il sena sħaħ, ħadd mhu se jroddhomlu lura. Kif jingħad dejjem fi proċeduri fil-Qrati “justice delayed is justice denied.”

Mill-provi li semgħet il-Qorti qalet li bl-ebda mod ma jista’ jingħad li Zahra kien responsabbli għal xi nuqqas fid-dewmien tal-proċeduri. Minkejja li Zahra naqas li jidher għal disa’ seduta kien hemm ferm aktar seduti li fihom ma sar xejn jew li ma dehritx il-prosekuzzjoni.

L-Imħallef Mintoff qal fis-sentenza tiegħu li 19-il sena fil-ħajja ta’ bniedem huma perjodu twil ħafna ta’ żmien. Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens, minbarra ż-żmien, l-Imħallef ħa konjizzjoni tal-fatt li Zahra llum għandu 72 sena u kien kostrett jibdel ħajtu u kif jagħmel in-negozju minħabba dak li għadda minnu.

Zahra kien ġie illiberat f’Awwissu tal-2020 fuq akkużi ta’ konfoffa fit-traffikar tad-droga. Kien arrestat f’Lulju tal-2001 waqt li kien jiltaqa’ ma’ raġel ieħor f’ristorant ġewwa Golden Bay. It-tnejn kienu fil-mira ta’ operazzjoni ta’ sorveljanza tal-pulizija marbuta ma’ intelligence dwar allegat ftehim li kien jinvolvi seba’ persuni li allegatament kienu qed jippjanaw li jdaħħlu tliet kilos kokaina lejn Malta minn Sqallija.

Vjaġġ bi speed boat lejn Sqallija u lura kien allegatament il-mezz li bih id-droga u l-flus kontanti kellhom jiġu skambjati. Tfittxija personali ta’ Zahra kienet sabet żewġ ċwievet, li waħda minnhom kienet taqbel ma’ vann tas-Seat Terra ipparkjat faċċata tar-ristorant.

Ġewwa dak il-vann kien hemm borża tal-plastik li kien fiha xi Lm31,640 (€72,772) fi flus kontanti u ċekk bankarju għal Lm307.18 (€706). It-tielet suspettat ġie arrestat ukoll wara li ġie interċettat minn karozza tal-pulizija waqt li kien qed qed jibiegħed b’veloċità mill-inħawi ta’ Għajn Tuffieħa, sejjer lejn l-Imġarr.

Madankollu, waqt il-proċedimenti kontra Zahra, xehdu allegati ko-kospiraturi oħra, li qalu li qatt ma kienu ltaqgħu mal-akkużat qabel il-kawża fil-qorti, u lanqas kellhom idea tal-allegat rwol tiegħu fil-finanzjament tal-plott. Barra minn hekk, tnejn mill-irġiel xehdu li fil-verità l-allegata ‘konfoffa’ ma kienet xejn għajr ‘plot’ falz biex iqarraq bix-‘xerrej’ intenzjonat, billi jaħrab bi flusu mingħajr qatt ma kien ifisser li jimporta u jgħaddi d-droga.

Ix-xerrej kien allegatament qalilhom li kien se jiġbor biżżejjed flus biex ikopri l-konsenja mwiegħda, mingħajr qatt ma jiżvela s-sors jew is-sorsi tal-fondi. Il-Qorti kienet qalet li d-dikjarazzjonijiet ta’ tnejn mill-allegati ‘co-conspirators’ kellhom jitwarrbu peress li qatt ma xehdu fil-qorti u lanqas iffaċċjaw kontro-eżami.

Ieħor mill-allegati ko-konspiraturi kien miet fl-2012. Meta qieset kollox, il-qorti qalet li l-prosekuzzjoni kienet naqset milli tipprova l-konfoffa,, u rrimarkat li l-interċettazzjoni tat-telefonati ma kellhomx kemm id-data u l-ħin kif ukoll in-numri tat-telefon relattivi.

l-każ tal-prosekuzzjoni kien ibbażat fuq ‘diversi ipoteżi’ u spekulazzjonijiet li ma kinux ‘il-provi konkreti’ meħtieġa biex jipprovaw il-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli, temmet tgħid il-Qorti biex b’hekk illiberat lill-akkużat. L-avukat Joe Giglio kien avukat difensur.