Lokali Qorti

Minn ħabs effettiv għal sentenza sospiża għal żagħżugħ li agredixxa uffiċjali ta’ TM waqt il-karnival tan-Nadur

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Naxxar li fil-Qorti tal-Maġistrati kien ikkundannat tliet snin ħabs kellu s-sentenza tiegħu revokati mill-Qorti tal-Appell Kriminali għal waħda sospiża wara li agredixxa żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta fil-karnival tan-Nadur.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li quddiemha nstema’ l-appell qablet ma’ dak li  qalet l-ewwel Qorti, dik li l-verżjoni tal-vittmi kienet aktar kredibbli. Madanakollu, qalet ukoll li meta wieħed iqis l-età u r-rekord kriminali ta’ Clyde Farrugia, l-piena għandha tonqos.

Minkejja li kkundannat l-attitudni ta’ Farrugia lejn uffiċjali pubbliċi, hija laqgħet l-appell u bidlet is-sentenza ta’ tliet snin ħabs għal waħda ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti ordnat ukoll lill-appellant biex iħallas €956 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-każ kien beda meta persuna oħra kien qala’ ċitazzjoni u mar jitlewwem mal-uffiċjali. Ftit wara nzerta għaddej Farrugia, li ħebb għall-Pulizija. Mill-provi rriżulta li waqt il-karnival tan-Nadur, fit-23 ta’ Frar tal-2020 għall-ħabta tas-2.30am. fi Triq il-Pallijiet, Clyde Farrugia attakka u rreżista bi vjolenza lill-uffiċjali Joseph Muscat u Richard Vella billi tahom bil-ponn.

Muscat kien qed ibati minn tbenġila f’wiċċu, klassifikata bħala ferita ta’ natura ħafifa. Richard Vella kien sofra feriti ta’ natura gravi. Richard Vella,  qal fil-Qorti li fil-lejl ta’ bejn it- 22 u t- 23 ta’ Frar 2020 huwa kien xogħol ma’ Transport Malta fi Triq il-Knisja, n-Nadur u. f’ħin minnhom marru tnejn fuqhom u bdew joffenduhom. Huma injorawhom u komplew fuq xogħolhom. Aktar tard, huma nizlu aktar ’l isfel minn fejn kienu qegħdin għax kien weħel it-traffiku.

It-tnejn min-nies li kienu offendewhom kienu qegħdin ma’ ħajt. Huma u telgħin ’l fuq, fil-pront mar wieħed minn warajh u tah daqqa ta’ ponn f’għajnu. Bid-daqqa huwa beda jistordi. Huwa ipprova jiġi daqsxejn f’tiegħu. Kif dar sab lil Joseph Muscat li kien miegħu qed jaqlagħlu l-balaklava. Ix-xhud għaraf lill-imputat bħala l-persuna li kien bil-balaklava u li kien aggredieh. Ix-xhud temm jgħid li l-imputat ma kienx ma’ dawk iz-zewġ persuni li kienu marru fejnhom fil-bidu joffenduhom.

Farrugia dejjem qal li ddefenda lilu nnifsu u li wieħed mill-uffiċjali ġibdu mill-flok u tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu. Espert tal-Qorti analizza l-filmati tal-kameras tas-sigurtà u nnota li l-filmat ma kienx ċar.

Minkejja li mhux se jservi terminu ta’ ħabs effettiv Farrugia xorta waħda ġie kkundannat għall-attitudni tiegħu lejn l-uffiċjali pubbliċi.Huwa kien ġie mmultat ukoll €4,000, liema somma issa ġiet ukoll revokata.  Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Joseph Grech.