Mandat ta’ inibizzjoni mressaq minn 18-il sid ta’ negozju kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, dwar restrizzjonijiet ġodda tal-Covid li kellhom jidħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar, ġie rtirat dalgħodu, wara li qorti kienet infurmata li r-restrizzjonijiet se jitneħħew ix-xahar id-dieħel.
Is-sidien kienu talbu lill-qorti biex twaqqaf lill-awtoritajiet milli jimplimentaw miżuri legali, inklużi regolamenti li jkunu jeħtieġu li l-pubbliku jippreżenta ċertifikat validu ta’ tilqim qabel jidħol f’ċerti stabbilimenti. Sostnew li din il-miżura kienet meħtieġa biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali u kummerċjali tagħhom.
Il-Professur Charmaine Gauci xehdet quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Miriam Hayman dalgħodu, hekk kif l-Imħallef bdiet jisma’ l-provi dwar l-mandat, li kienet tressaq kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Ministru responsabbli għas-saħħa pubblika, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat.
Mill-pedana tax-xhieda, il-Professur Gauci spjegat li kien ċar ħafna li l-każijiet kienu qed jiżdiedu u għalhekk kellha tittieħed azzjoni. “Il-prova tat-tilqim li kienet meħtieġa għad-dħul f’ċerti stabbilimenti kienet alternattiva għal li jkollok tagħlaq l-istabbilimenti kollha.
Hekk kif il-każijiet bdew jonqsu, il-miżuri jistgħu jibdew jiġu rilassati,” hija qalet. Liġijiet, li jirrilassaw xi miżuri fis-7 ta’ Frar u mbagħad se jitneħħew aktar ir-restrizzjonijiet fl-14 ta’ Frar, kienu diġà ġew abbozzati, żvelat il-professur, li żiedet li l-istaff tagħha kien qed jaħdem ukoll biex jippubblika standards riveduti għal stabbilimenti bħal dawn.
“Allura qed nimxu bil-mod għan-normalità?” staqsiet l-imħallef. “Iva, naħdmu bl-għodda li għandna,” wieġbet il-Professur Gauci. Fid-dawl tal-konferma li l-miżuri kienu se jitneħħew fil-jiem li ġejjin, is-sidien ppreżentaw nota fil-qorti, fejn irtiraw it-talba tagħhom għal mandat ta’ inibizzjoni.
L-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Keith Borg u Edric Micallef Figallo irrappreżentaw lill-atturi. Għad-difiża dehru l-Avukat tal-Istat Christopher Soler u l-avukat Anthony Borg.
//= $special ?>