Internazzjonali

Renju Unit: Konfużjoni u dubji dwar il-‘lockdown parties’ ta’ Boris Johnson

Ir-rapport mistenni dwar il-lockdown parties tal-2020 li allegatament saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku jista’ ma jkunx ippubblikat ‘kif suppost’.

L-allegazzjonijiet qed jirreferu għall-ksur tar-regoli tal-pandemija fl-ewwel xhur tal-Covid-19 u meta fl-aħħar jiem, l-osservaturi ma eskludewx li Boris Johnson kapaċi jirriżenja minn Prim Ministru ‘talli injora r-regoli tas-sigurtà fi żmien meta l-movimenti għall-poplu kienu ristretti u anki projbiti’.

Madankollu, fil-preżent hemm mhux ftit tal-konfużjoni dwar meta se jkun ippubblikat ir-rapport dwar il-lockdown parties fl-Uffiċċju (tal-Prim Ministru) ta’ Down ing Street, f’Londra. Ir-rapport qed ikun imħejji minn Sue Gray, li hi uffiċjal ewlieni maċ-ċivil, u l-pubblikazzjoni qed tidher li spiċċat ‘posposta’ wara stqarrija speċifika min-naħa tal-pulizija Metropolitana.

Kelliema għall-pulizija qalu li kienu talbu biex ir-rapport jagħmel biss ‘referenza minima’ għall-fatturi u l-avvenimenti li jinsabu taħt investigazzjoni u bil-għan li l-inkjesta ma tispiċċax ippreġudikata.

Qed jingħad ukoll li Sue Gray u diversi membri tal-Uffiċċju tal-Kabinett jinsabu ‘sorpriżi ferm’ bl-istqarrija tal-Pulizija – u meta suppost li r-rapport intbagħat lil Downing Street din il-ġimgħa. Dan meta d-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern għandhom jistennew ir-riżultat tal-investigazzjoni ta’ Sue Gray qabel jiddeċiedu jekk għandhomx jieħdu vot ta’ fiduċja fit-tmexxija ta’ Johnson.

Sadanittant, il-kelliema għall-Pulizija Metropolitana qalu li mhumiex jitolbu għal limitazzjonijiet relatati ma’ aspetti oħrajn fir-rapport ta’ Sue Gray.

Madankollu, il-Pulizija għaddejja xorta bil-kuntatti kontinwi mal-Uffiċċju tal-Kabinett biex tevita kwalunkwe preġudizzju potenzjali għall-investigazzjoni dwar il-lockdown parties….Mifhum li l-kuntatti attwali qed jirreferu wkoll għall-‘kontenut tar-rapport inkwistjoni’.