Lokali

Tkompli tikber ir-rabja għas-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

In-nies għadhom irrabjati għall-fatt li qed iħallsu kontijiet tad-dawl u l-ilma eżaġerati. U dan qed jgħiduh diversi persuni li fl-aħħar sigħat ikkummentaw fuq Facebook… fuq il-paġna tal-media Laburista.

Hekk kif issa l-Gvern ukoll ammetta li qed isir serq mill-kontijiet, diversi kienu dawk li esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għall-mod li bih tal-One provaw jirrappurtaw din l-aħbar. B’uħud jinsistu li l-Gvern xorta mhux se jrodd lura l-miljuni li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl tul dawn l-aħħar snin.

Imbgħad, kien hemm baraxx ta’ reazzjonijiet għal One News: min kiteb li l-kont qed jiġih 750 ewro, min jgħid li bil-pannelli u xorta qed jiġih kont għoli, u oħrajn jgħidu li l-Ministru Miriam Dalli qed titratta lin-nies ta’ ġaħan …u li issa qamet mir-raqda!

Kien hemm min ma ddejjaqx jinnota kif fil-verita… il-PN kellu raġun fuq din il-kwistjoni. U l-Gvern stenbaħ issa għax ġejja l-elezzjoni.

Is-segwaci tal-media Laburista rrimarkaw li l-kontijiet għadhom xorta qed jiġu għoljin ħafna. “Kontijiet eżaġerati”, kitbet mara fuq Facebook, filwaqt li ieħor ikkummenta “qsamtuna bil-kontijiet”.

Persuna oħra qalet: “Il-PN jissuġerixxi, u l-Labour isegwi”.

Il-Partit Nazzjonalista ilu diversi xhur jispjega xi jfisser dan is-serq mill- kontijiet tad-dawl u l-ilma, u ngħata r-raġun. Iżda lest ikompli jinsisti sabiex il-familji Maltin Għawdxin jirċievu kontijiet orħos…li jkunu ġusti, faċli, u trasparenti għal kulħadd biex jifhem.

Għal kuntrarju tal-Labour, Partit Nazzjonalista fil-Gvern jikkommetti ruħu li jagħti lura l-flus kollha li nsterqu lill-poplu Malti u Għawdxi mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.