Lokali

22 entita’ jitolbu azzjoni immedjata b’rabta maż-żieda fil-prezz ta’ prodotti bażiċi tal-ikel

22 entità tal-Knisja, li jaħdmu mill-qrib mal-persuni l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli fis-soċjetà, huma mħassba biż-żieda fil-prezzijiet ta’ bżonnijiet bażiċi speċjalment dawk tal-ikel. Huma qed jappellaw lill-mexxejja u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż sabiex ikomplu jagħtu prijorità lil dawn il-persuni fil-bżonn u jieħdu azzjoni biex iż-żieda fil-prezzijiet ma tagħmilx is-sitwazzjoni tal-faqar tagħhom f’Malta agħar milli hi. Dan hekk kif jirriżulta li ħafna mill-prodotti bażiċi bħalma huma l-għaġin, iz-zalza u ż-żejt għolew b’minn talanqas 20%.

L-entitajiet qed jisħqu li l-aktar nies li ser ibatu minħabba dan l-għoli fil-prezzijiet huma dawk il-persuni li spiss, bħala soċjetà, nippreferu nemmnu li ma jeżistux. Fost il-persuni li qed jgħixu f’faqar moħbi hemm: familji li qed jgħixu f’appartamenti żgħar ħafna jew f’garaxxijiet spiss sforz kirjiet lijibqgħu jogħlew lil hinn mir-realtà ta’ ċertu pagi; anzjani li jgħixu fi djarhom mingħajr dawl u ilma għaliex ma jistgħux iħallsu l-kontijiet minħabba d-dħul baxx tagħhom; u nies oħrajn li jgħixu fi djar u appartamenti li minn barra jidhru ‘normali’ iżda meta tidħol ġewwa ssib realtajiet iebsa.

Il-Knisja, permezz tal-parroċċi u l-entitajiet tagħha, hi impenjata tkompli mhux biss tirrispondi għal sitwazzjonijiet simili iżda li tkompli tfittex u tgħin lil dawn ħutna fil-bżonn. Is-sena li għaddiet, aktar minn 1,300 familja fil-bżonn f’Malta u Għawdex ġew mgħejuna regolarment mill-voluntiera fil-parroċċi, minn Fondazzjoni Sebħ, Millennium Chapel, St Jeanne Antide Foundation, mis-Segretarjat Assistenza Soċjali u Paolo Freire Institute u Caritas Malta, bil-kordinament ta’Caritas Djakonija Unitflimkien mal-Kummissjoni Djoċesana Djakonija.

Tags