Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler mistenni jkun in-nomina tal-Prim Ministru Robert Abela bħala l-Membru Malti għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jieħu post Leo Brincat.
Dan kien żvelat minn timesofmalta.com wara li Abela spjega l-intenzjonijiet tiegħu matul laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista, li mexxa lbieraħ u fejn kien spjegat li Hyzler iżomm il-pożizzjoni attwali tiegħu sakemm jgħaddi mill-grillings meħtieġa.
George Hyzler ilu jservi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għal dawn l-aħħar erba’ snin, bil-kuntratt suppost fadallu sena oħra, iżda li allura jkun interrott jekk jintagħżel bħala Membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Matul il-ħidma tiegħu, Hyzler u l-Uffiċċju tiegħu ppreżentaw diversi rapporti li saħansitra wasslu għal riżenji ta’ membri fil-Kabinett Laburista. Fosthom Rosianne Cutajar wara li nqabdet li ma ddikjaratx dħul f’senserija minn bejgħ ta’ propjetà li fiha kien involut Yorgen Fenech.
Anke Justyne Caruana spiċċat irriżenjat minn Ministru tal-Edukazzjoni wara li nstabet ħatja mill-Kummissarju Hyzler bi ksur ta’ etika u abbuż ta’ poter meta tat trattament preferenzjali lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic, b’kuntratt ta’ €15,000 għal xogħol li spiċċa twettaq minn Uffiċjal ieħor tal-Ministeru.
Barra minhekk, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab ħati diversi membri oħrajn tal-Kabinett li iżda, minflok ma rriżenjaw, għażlu li jattakkaw l-integrità tiegħu. Bħall-Ministru Carmelo Abela, li kien instab ħati ta’ ksur ta’ etika u użu abbużiv ta’ eluf ta’ ewro minn fondi pubbliċi meta ppromwova lilu nnifsu billi nefaq €7,000 minn flus il-poplu
Iżda quddiem dan kollu, il-Ministru Abela kien attakka lil George Hyzler billi qal li llum ra d-dawl bħal San Pawl fi triqtu lejn Damasku. Attakki oħrajn kienu saru fost l-oħrajn mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield, li saħansitra nħeba wara l-Privileġġ Parlamentari biex jiftaħ il-kanuni fil-konfront tal-Kummissarju Hyzler.
Jekk il-pożizzjoni tiegħu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri tkun approvata, l-għażla għal Kummissarju ġdid għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika trid issib l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra.
//= $special ?>