Għadu mhux magħruf x’wassal biex Paul Barbara, ta’ 54 sena residenti Tal-Pietà, instab mixħut fl-art qrib garaxx f’Tal-Pietà stess qabel ma tilef ħajtu ftit tas-sigħat wara, fl-Isptar Mater Dei.
Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, għall-ħabta tas-6.30am, il-Pulizija tad-Distrett marret f’kumpless ta’ garaxxijiet, f’numru 36 ta’ Triq Hookham Frere, wara li ġiet infurmata bir-raġel.
Ir-raġel, li aktar tard kien identifikat li kien Barbara, instab fil-fetħa tal-kumpless, b’passi tad-demm qrib tiegħu, u għalhekk issejjaħ immedjatament tim mediku b’Ambulanza. Wara li ngħata l-ewwel għajnuna, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti serji.
Hu nżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, iżda l-kundizzjoni ta’ saħħtu baqgħet sejra għall-agħar. Fil-fatt, minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li, minkejja l-isforzi tal-infermieri u l-professjonisti mediċi tal-ITU, ir-raġel tilef ħajtu tard il-Ġimgħa filgħaxija.
Il-mewta tiegħu ħasdet lil ħafna minn Tal-Pietà, li ddeskrivewh fuq il-media soċjali bħala bniedem mill-aqwa. Persuni oħrajn li tkellmu ma’ NET News qalu li ma jistgħux jifhmu x’seta’ wassal għal dan il-każ għax jafu lil Barbara bħala raġel li kien imur tajjeb ma’ kulħadd.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Astrid May Grima, li ordnat Inkjesta assistita minn diversi esperti.
Fl-istess waqt, aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, fost l-oħrajn biex tkun stabbilita d-dinamika tal-każ – jiġifieri jekk dan kienx wieħed aċċidentali, jekk ir-raġel intlaqatx minn xi vettura jew jekk kienx hemm xi aggressjoni. Barra minhekk, jekk jirriżulta l-involviment ta’ terzi persuni, irid ikun stabbilit ukoll jekk il-każ seħħx fejn instab ir-raġel jew f’xi post ieħor.
Għaldaqstant, hu mifhum li l-Pulizija qed titkellem ma’ sidien ta’ residenzi u garaxxijiet oħrajn li jinsabu fil-qrib biex tikseb aċċess għal filmati minn cameras tas-sigurtà li jkunu jistgħu jitfgħu aktar dawl dwar il-każ.
//= $special ?>