Lokali

Aktar Ministri ma jafux għalfejn ivvutaw kontra l-abbozz tal-PN

Il-Ministri tal-Gvern li din il-ġimgħa vvutaw kontra l-Abbozz ta’ Liġi ppreżentat mill-Partit Nazzjonalista qed jinkixfu wieħed wara l-ieħor li m’għandhomx idea għaliex ivvutaw kif ivvutaw.

NetNEWS staqsa lil Ian Borg eżatt x’kienu l-elementi li ma kienux qed jaqblu magħhom fl-abbozz prezentat mill-PN. Iżda hu ma kienx kapaċi jindika mqar punt wieħed li ma qabilx miegħu.

Bħal sħabu l-oħra, il-Ministru Ian Borg ma kellux idea – fil-verità – għaliex ivvutaw kontra l-Abbozz ħlief għall-fatt li kien propju l-Partit Nazzjonalista li għamel xogħol il-Gvern, li sal-lum għadu qed ikaxkar saqajh dwar emendi li jeħtieġu jsiru fil-Liġijiet tagħna.

Ippruvajna nifhmu x’kienu l-elementi minn dan l-Abbozz li ma sabux il-qbil tal-Gvern, kif ukoll x’qed jipproponi fil-fatt l-istess Gvern, ladarba ma qabilx mal-proposti tal-Partit Nazzjonalista, iżda ma kienx kapaċi jsemmi mqar fatt wieħed li ma qabilx miegħu u lanqas ma kien kapaċi jgħid x’qed jipproponi minflok il-Gvern.

Filfatt, sal-lum, il-Gvern għadu ma għamel l-ebda proposta u ma fassal l-ebda Abbozz ta’ Liġi wara r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia biex jerġa’ jtella’ isem pajjiżna fejn jixraqlu.

U s’issa, ħlief tkaxkir tas-saqajn u kritika għal min għamel dak li suppost għamel hu, il-Gvern ta’ Abela ma kellux.