Sport Waterpolo

Dan il-klabb għandu bżonn bidla fil-mentalità u ninsabu fi triqitna – Beto Fernandez, kowċ ta’ Sliema

(Ritratt: Martin Agius)

Artiklu: Stewart Said

“L-iktar ħaġa importanti għalija kienet li nibqgħu fil-logħba.” Kliem il-kowċ Beto Fernandez, wara s-suċċess ta’ Sliema Frank Salt fil-finali tal-Enemed Cup kontra San Ġiljan. Għal Fernandez dan kien l-ewwel unur tiegħu ma’ Sliema u dan is-suċċess jista’ jeqleb il-paġna biex Sliema jibdew verament jisfidaw lil San Ġiljan u Neptunes.

Fernandez irrefera għar-rebħa li kienet kwistjoni ta’ mentalità u attitudni. “Fi Spanja, nilagħbu bit-tattika u l-fiżika imma wkoll bil-qalb u b’moħħna. Dan il-klabb għandu bżonn bidla fil-mentalità u ninsabu fi triqitna. Aħna se nippruvaw negħlbu lil San Ġiljan u Neptunes kull logħba. Irrid ngħaddi lit-tim li kull logħba rridu nissieltu imma kull logħba hi differenti.”

“Għandna tim żagħżugħ u ta’ talent imma jridu ż-żmien biex jitgħallmu jilagħbu. Mhux faċli. Irrid nieħdu pjaċir b’dan is-suċċess għaliex jista’ jkun l-ewwel pass tal-bidla.” Fernandez irrimarka li minkejja r-rebħa, Sliema jridu jtejbu ħafna affarijiet speċjalment fid-difiża. Hu qal li sofrew xi gowls li jridu jikkoreġuhom jekk iridu jirbħu ċertu logħbiet.

Mistoqsi jekk dan is-suċċess, jistax ikun il-preludju għal dak li jista’ jiġri fis-sajf, Fernandez qal li “se nippruvaw negħlbu lil kulħadd imma ma għandix ballun tal-kristall. Imma wara din il-logħba, hemm logħba oħra, dak li nipprova nfiehem lill-plejers. Nittama li nirbħu l-Kampjonat tas-Sajf u se naħdmu għaliha żgur.”

(Ritratt: Martin Agius)
Tags