Il-Korp tal-Pulizija mexa “skont il-liġi”.
Kienet din it-tweġiba li ingħatat lil Net News mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà meta mistoqsi dwar ir-raid ili sar fl-aħħar jiem fuq id-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat – raid illi Muscat sejjaħlu bħala azzjoni inġusta.
Għal numru ta’ domandi li poġġejna lill-Kummissarju Gafà speċifikament dwar dan ir-raid, hu wieġeb biss li “il-liġi tobbliga lill-Pulizija jimxu ma’ dak li jiġi ordnat minn Maġistrat. U l-Korp iwettaq ħidmietu skont il-liġi”.
Saqsejna wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija jekk iħossux offiż li l-uffiċjali tiegħu ġew attakkati fl-aħħar jiem minn numru ta’ politiċi Laburisti, inkluż l-eks Mexxej Laburista innifsu. Iżda Gafà ma lissinx kelma waħda ta’ difiża lejn l-investigaturi li qed jistħarrġu l-allegazzjonijiet marbuta ma’ Steward Healthcare u l-iskandlu tal-isptarijiet.

Aktar kmieni illum, Muscat għall-ewwel darba ammetta li ngħata xogħol ta’ konsulenza ma’ kumpanija Żvizzera marbuta ma’ Steward Healthcare. Din hi l-kumpanija Accutor, li mingħandhom daħħal 60,000 ewro.
U minkejja dan – sa issa – skiet itarrax mill-Prim Ministru Robert Abela.
L-eks Mexxej Laburista insista li hu se jkompli jitkellem għax ma jridx ikun trattat b’xi mod inġust, sempliċiment għax hu Joseph Muscat.