Lokali

Il-forka f’pajjiżna se tkun miftuħa għall-pubbliku

Il-forka, mezz li biha f’pajjiżna kienu jingħataw il-piena tal-mewt priġunieri li jkunu akkużati b’reati partikolari, se tinfetaħ għall-pubbliku fi ftit tal-jiem oħra.

L-unika forka li qatt eżistiet f’pajjiżna tinsab f’parti mill-binja tal-ħabs ta’ Kordin u  dan l-aħħar ġiet irrestawrata.

L-ispettur Ronald Bugeja, li kiteb ktieb wara li għamel riċerka intensiva dwar l-istorja ta’ din il-forka u oħrajn simili tagħha fl-Ewropa, u kif kienet tintuża.

Hu qalilna li l-forka ntużat l-ewwel darba fl-1893 fuq Ġużeppi Vella.

Il-forka f’pajjiżna hi waħda minn ftit li għadhom jeżistu fl-Ewropa u ntużat l-aħħar 79 sena ilu meta tgħallqu Karmenu u Ġużeppi Zammit – aħwa li tgħallqu fl-istess ġurnata.

L-aħħar persuna li kellha tkun vittma ta’ din il-forka ħelsitha grazzi għar-reġina. Din kienet Ġiġa li ħafna jafu l-istorja kif kienet akkużata li qatlet lil binha Twanny. Ir-Reġina kienet ħafret il-piena kapitali lil dik li kellha tkun l-aħħar vittma tal-forka f’Malta.

L-Ispettur spjegalna x’kien jiġri dakinhar tal-eżekuzzjoni. Hu qal li l-forka kienet tingħata bejn is-7.00am u l-10.30am. Dakinhar tal-forka l-priġunier kien jinħareġ minn żewġ uffiċjali u jmorru fil-kappella jitolbu. Imbagħad kienu jimxu sal-bieb ta’ wara tal-forka, jitla’ t-taraġ, isib il-bojja jistennih, jintrabtulu idejh u saqajh biċ-ċineg, joħroġ fuq il-patibolu u l-bojja jagħti l-forka kif suppost.

Mir-riċerka li għamel, sar magħruf li priġunier li kien ikkundannat għall-forka kien jagħmel l-aħħar tliet ijiem ta’ ħajtu jitlob mar-rużarjanti.

Il-forka ġeneralment kienet tingħata fuq omiċidji… għalkemm ħafna jafu bil-każ ta’ Carmelo Borg Pisani li spiċċa vittma tagħha fuq akkużi ta’ spjunaġġ.

Faċċata preċiż tal-patibolu tal-forka hemm pittura tal-Madonna tas-Sacro Cuor. Il-pittura tqegħdet hemm apposta biex tkun l-aħħar ħaġa li jara l-ikkundannat qabel imut.

Il-forka se tinfetaħ għall-pubblika f’għeluq il-50 sena minn mindu din tneħħiet mill-kodiċi kriminali ta’ pajjiżna. Din se tkun miftuħa bejn l-10 u t-13 ta’ Jannar.

Randolph Spiteri spjegalna kif ir-restawr li sar fl-aħħar xhur sar ukoll bis-saħħa tax-xogħol ta’ uħud mill-priġunieri.

Din se tkun okkażżjoni interessanti għal dawk kollha li jħobbu l-istorja ta’ pajjiżna.

Tags