Festi Kultura Lokali

Il-Pawlini jgħidu li l-Awtoritajiet injorawhom għal kollox

Il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jiddiskrimina bejn festa u oħra, bejn raħal u ieħor.

Dan hekk kif fi stqarrija konġunta maħruġa mill-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu u l-Għaqda tal-Pawlini Valletta saħqu li minkejja t-talba tal-Arċipriet sabiex ikun preżenti fil-laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu u l-Ministru Chris Fearne flimkien mal-Għaqda Każini tal-Baned.għal xi raġuni din it-talba ma ġietx milqugħa.

Huma saħqu li jinsabu diżappuntati li l-Awtoritajiet Ċivili u Ekkleżjastiċi ma ħarġu ebda stqarrija uffiċjali dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa madanakollu għajr għal post fuq Facebook tal-Għaqda Kazini tal-Baned li nnotat kif il-festi esterni minn April jaf jistgħu jibdew joperaw b’mod normali iżda l-festi fi Frar u Marzu se jkunu qed joperaw biss skont il-protokolli.

Fl-istqarrija ġie spjegat però li matul din il-laqgħa l-festa ta’ San Pawl ma ġietx ikkunsidrata. Huma għaldaqstant talbu sabiex issir laqgħa urġenti mal-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex jiġu ċċarati l-proposti tal-programm tal-festa tal-10 ta’ Frar bil-għan li talba tagħhom tkun milqugħa għal purċissjoni b’modd ridott – dejjem bil-ħarsien tal-protokolli tas-saħħa.