Sport Waterpolo

L-Enemed Cup tirritorna fil-pitch ta’ Tas-Sliema

(Ritratt: Martin Agius)
Għelbu l-isfida ta' San Ġiljan f'logħba mill-isbaħ

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS…… 10

SLIEMA FRANK SALT………………….. 12

(3-5), (3-2), (2-3), (2-2)

Kien proprju sena u nofs ilu li Sliema għollew l-aħħar unur tagħhom. Kienet ukoll l-Enemed Cup u l-avversarji kienu wkoll San Ġiljan. Konfront denju ta’ finali quddiem attendenza sabiħa, xi ħaġa li kważi saret surreali fl-aħħar xhur. Partita mill-isbaħ li żgur ma ddiżappuntatx lil dawk li attendew fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Logħba li tista’ tfisser preludju għal dak li għandna nistennew fis-sajf mingħajr ma jkunu minsija Neptunes.

Fil-verità l-aħjar tim rebaħ. Sliema kienu iktar konċentrati, fetħu tajjeb u b’eċċezzjoni tal-ewwel ftit sekondi, qatt ma kienu minn taħt fil-logħba. Il-kowċ Beto Fernandez nissel fiduċja li Sliema setgħu verament jirbħu u d-determinazzjoni tagħhom kienet evidenti. Rekord pożittiv mill-man-ups b’total ta’ seba’ gowls minn 12-il okkażjoni. Dan kien l-ewwel unur għall-kowċ Spanjol kif ukoll għal Dino Zammit li kienet l-ewwel kompetizzjoni għalih mas-Slimiżi, li kienu mingħajr Jerome Gabarretta.

(Ritratt: Martin Agius)

San Ġiljan fuq in-naħa l-oħra kienu kostretti jiġru wara r-riżultat. Iktar minn hekk, f’mumenti importanti tal-logħba, tilfu l-attenzjoni fuq il-waterpolo milgħub, b’konsegwenza li tilfu plejers importanti meta kien għad fadal x’jintlagħab.

Bidu mill-aqwa għal din il-finali hekk kif l-ewwel kien Ben Plumpton li fetaħ l-iskor fl-ewwel attakk tal-logħba iżda Mark Meli ġab id-draw immedjatament, biż-żewġ gowls jaslu minn azzjonijiet ta’ man-up. Is-Slimiżi saħansitra baqgħu preċiżi mis-sitwazzjonijiet ta’ superjorità numerika u rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 4-1. San Ġiljan dehru maħsuda iżda rkupraw u temmew it-tieni sessjoni b’distakk ta’ żewġ gowls.

Sa nofs it-tieni sessjoni, San Ġiljan kienu rkupraw l-iżvantaġġ u ġabu d-draw 6-6. Ben Plumpton skorja doppjetta, gowl minn man-up u ieħor minn kontrattakk. Iżda ż-żagħżugħ Jayden Cutajar ħalla lis-Slimiżi gowl vantaġġ b’gowl minn man-up.

(Ritratt: Martin Agius)

Il-logħba naqset ftit mir-ritmu tal-ewwel żewġ sessjonijiet. San Ġiljan bdew jirnexxilhom jinnewtralizzaw l-attakki Slimiżi u lejn nofs is-sessjoni Ben Plumpton ġab id-draw b’konklużjoni delizzjuża għar-rokna. Madankollu l-partita ta’ Plumpton intemmet ftit wara hekk kif tkeċċa għat-tielet fawl personali, deċiżjoni li wasslet għal protesti mill-Ġiljaniżi. Time-out mill-kowċ Slimiż u minn dik l-azzjoni, Benji Cachia għamel l-iskor 8-7.

Ftit ħin wara, San Ġiljan tilfu wkoll lil Darren Zammit li tkeċċa b’sostituzzjoni minħabba dak li ġie ġġudikat bħala daqqa fuq il-gowlkiper Nicky Grixti. Fl-attakk sussegwenti, John Brownrigg irdoppja l-vantaġġ. L-affarijiet komplew jiġu għat-telgħa għal San Ġiljan f’deċiżjoni li qajmet protesti, Nico Schiavone tkeċċa temporanjament u Dino Zammit immedjatament għamilhom 10-7. Konsegwenza ta’ protesti kontinwi, Mattias Ortoleva tkeċċa wkoll.

(Ritratt: Martin Agius)

Minkejja dawn in-nuqqasijiet, San Ġiljan baqgħu jissieltu u wara li Nikolai Zammit skorja minn penalty qabel tmiem it-tielet sessjoni, Russell Caruana fetaħ il-logħba beraħ fil-bidu tal-aħħar sessjoni. Id-distakk reġa’ kiber għal tliet gowls ftit wara, b’gowls taż-żgħażagħ Matthew Mifsud u Jayden Cutajar. Daniel Tully ħalla lil San Ġiljan jittamaw b’gowl u nofs sessjoni għal tmiem il-logħba.

Madankollu Sliema kkontrollaw l-aħħar minuti, biż-żewġ timijiet jitilfu lil Zach Mizzi u Matthew Zammit wara argument bejniethom. Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ Sliema Mark Meli ġie ppreżentat bit-trofew mill-Viċi President tal-ASA Karl Galea.

San Ġiljan: J. Tanti, A. Galea, D. Fero, R. Caruana (1), M. Zammit, M. Ortoleva (1), D. Tully (2), B. Plumpton (4), N. Zammit (2), Da. Zammit, N. Schiavone, G. Vassallo, F. Scardino

Sliema: N. Grixti, J. Saliba, L. Galea (1), D. Rizzo, M. Meli (2), B. Cachia (1), J. Cutajar (2), M. Mifsud (2), J. Brownrigg (1), K. Borg, Z. Mizzi (2), Di. Zammit (1), A. Theuma, E. Schembri, J. Cassar

Referees: Alex de Raffaele, Massimo Angileri

Rebbieħa tal-Enemed Cup

2018  San Ġiljan

2019  San Ġiljan

2020  Sliema

2021  Neptunes

2022  Sliema

(Ritratt: Martin Agius)