L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat issa ddikjara li jrid jibqa’ jżomm kontroll tal-Partit Laburista, tant li hedded li mhux se jħalli lil ħadd jużah biex jipprova jkissirlu l-Moviment li bena hu.
Muscat għamel din id-dikjarazzjoni – meqjusa minn ħafna bħala botta diretta lis-suċċessur tiegħu Robert Abela – f’filmat ieħor li xandar fuq Facebook, ftit jiem wara li sarlu raid fid-dar tiegħu ordnata mill-Qorti.
F’filmat iddominat ukoll minn attakki kontinwi fuq l-istituzzjonijiet – tant li sejjaħ ir-raid bħala “teatru sħiħ” – Muscat kompla bl-attakk fuq it-tmexxija ta’ Abela billi tenna li qed ikollu jitkellem hu għax inkella, ħadd aktar ma kien se jitkellem.
Fl-istess waqt, għall-ewwel darba, hu ammetta li ngħata impjieg mal-kumpanija Żvizzera Accutor, li mingħandhom daħħal 60,000 ewro.
Madankollu, hu fl-ebda ħin ma rrefera għal dak żvelat minn Matthew Caruana Galizia fil-jiem li għaddew, li Muscat kellu jingħata nofs miljun ewro, iżda spiċċaw ma rċevihomx kollha għax il-bank internazzjonali UBS għalaq il-kont tal-kumpanija.
L-eks Mexxej Laburista qal li se jkompli jitkellem u jispjega għax ma jridx ikun trattat b’xi mod inġust, sempliċiment għax hu Joseph Muscat.
//= $special ?>