Edukazzjoni Lokali

Aktar rapporti ta’ studenti msawta minn “sħabhom” fil-Ħamrun

Il-pulizija jgħidu lil Net News li fl-għassa tal-Ħamrun kien hemm 3 rapporti ta' vjolenza fost l-istudenti

Sitwazzjoni deskritta bħala waħda ta’ tħassib u tal-biżgħa, bi gruppi ta’ studenti jsawtu lil “sħabhom”, b’ġenituri jgħidu magħna li uliedhom sa anki sofrew xi ksur.  

Fl-aħħar jiem dan l-istazzjon irċieva għadd ta’ telefonati u informazzjoni ta’ studenti li kienu qed jiġu msawta minn studenti oħra kemm fil-kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun u kif ukoll fl-akwati tal-istess kulleġġ magħruf bħala l-Liċeo.

Net News infatti nhar it-Tnejn 24 ta’ Jannar bagħat numru ta’ domandi lill-pulizija biex naraw fost l-oħrajn x’investigazzjonijiet qed isiru dwar dawn l-istejjer ta’ vjolenza u x’passi qed jieħdu, u x’kuntatt qed isir mal-ġenituri biex ikun hemm serħan tal-moħħ.

Infatti dwar dan kellna tweġiba mill-pulizija fejn ikkonfermaw magħna dak li qalulna l-ġenituri, u li s’issa kien hemm 3 rapporti ta’ vjolenza fost l-istudenti fil-Ħamrun, il-Pulizija ħarġet akkużi fuq każ minnhom filwaqt li fuq l-oħrajn il-pulizija qalu li l-persuni involuti huma kollha minuri u għandhom taħt l-14-il sena u għaldaqstant ma jkunx hemm lok ta’ azzjoni kriminali kontrihom, il-Pulizija qalet li ħadet il-passi neċessarji kollha kif titlob il-liġi.

It-tħassib fost il-ġenituri iżda qed jibqa’ xorta wieħed b’saħħtu, b’ħafna jinsabu inkwetati fuq is-saħħa u l-benesseri ta’ uliedhom. Uħud tennew li jekk se tibqa’ ma titteħidx azzjoni, uliedhom se jispiċċaw jaffaċċjaw problemi ulterjuri fis-saħħa tagħhom. Dawn l-aħbarjiet infatti ġabu tħassib mhux biss mill-ġenituri tal-vittma, iżda anki ta’ ġenituri oħra li qalu li uliedhom qed jibżgħu jmorru l-iskola għax qed jibżgħu li issa dawn l-istudenti se jaqbdu magħhom.

Mill-ġdid il-ġenituri appellaw lill-awtoritajiet u lill-amministrazzjoni tal-iskola biex jaraw li din il-problema ma tibqax, filwaqt li appellaw biex jibqgħu jkunu infurmati dwar dak li qed isir mill-pulizija biex uliedhom ikunu mħarsa.