Internazzjonali

Covid-19: Eluf fil-Ġermanja jipprotestaw kontra l-miżuri għall-virus u l-mandati għall-vaċċin

Eluf ta’ nies fil-Ġermanja ħarġu jipprotestaw kontra l-miżuri għall-coronvirus li qed jillimitawlhom il-movimenti — bid-dimostrazzjonijiet anki qed iwasslu messaġġ kontra l-mandati biex il-vaċċin kontra l-Covid jingħata bilfors liċ-ċittadin.

Il-pulizija fil-belt ta’ Freiburg qalu li talanqas 5,000 dimostrant ħarġu jipprotestaw dwar il-proposta biex il-vaċċin kontra l-Covid jingħata lil kulħadd, b’dimostrazzjonijiet simili jsiru fi bliet Ġermaniżi oħra fi tmiem il-ġimgħa.

Il-Pulizija Ġermaniża, intant, waqqfu protesta f’Leipzig li attendew għalija l-mijiet tan-nies. Ir-rapporti qalu li numru ta’ dimostranti għaddew bil-forza miz-zoni fejn kienu stazzjonati l-pulizija qabel marru fl-artijiet tal-Isptar tal-Università ta’ Leipzig – fejn imbagħad spiċċaw arrestati mill-qawwiet tal-liġi.

Fl-istess ħin, il-pulizija fl-Istat ta’ Sassonja qed jinvestigaw inċidenti li fihom id-dimostranti organizzaw il-protesti mingħajr permess filwaqt li rreżistew lill-uffiċjali tal-liġi li kienu qed jaqdu dmirhom. Numru ta’ nies huma wkoll akkużati b’li sfidaw ir-regoli u protokolli tal-Covid-19 fl-Istat partikulari. Dan waqt li protesti kontra l-miżuri għall-kontroll tal-virus saru anki fl-ibliet ta’ Brandenburg u Schwerin.

Il-Ġermanja, illum, irrappurtat viċin il-119,000 każi ġodda tal-Covid u 60 mewta mill-virus għall-stess perjodu ta’ 24 siegħa.

Fi żviluppi oħra, l-iskejjel fl-Awstralja se jkomplu bil-funzjoni tagħhom wara l-waqfa tas-sajf u minkejja li l-pajjiż għaddej minn splużjoni ta’ infezzjonijiet minħabba l-varjant Omicron tal-Covid. Minn għada, eluf ta’  studenti għandhom jirritornaw għal-lezzjonijiet fl-iskejjel, b’ħafna istituzzjonijiet fl-Awstralja jesiġu biex l-istudenti jkunu testjati għall-Covid darbtejn fil-ġimgħa.

Fi New Zealand, il-Prim Ministru Jacinda Ardern iżolat lilha nnfisha wara li spiċċat f’kuntatt ma’ persuna infettata bil-Covid. L-uffiċjali qrib tagħha qalu li Ardern għaddiet minn test għall-Covid u meta r-riżultati huma mistennija li joħorġu għada t-Tnejn.

L-awtoritajiet fi New Zealand irrappurataw 103 każi ġodda tal-virus u meta f’dan il-pajjiż għaddej dibattitu dwar il-kontrolli mill-aktar riġidi li qed ikunu imposti mal-fruntieri tal-pajjiż u li mhumiex jippermettu li ħafna ċittadini jirritornaw pajjiżhom minn barra.