Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies”

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies. U hu għalhekk li l-poplu Malti qed iħoss li wasal iż-żmien li jerġa’ jagħti il-fiduċja lill-PN għat-tmexxija ta’ pajjiżna “

Kien dan il-messaġġ ewlieni mill-kelliema f’isem il-PN waqt attività politika li saret fil-każin tal-Partit Nazzjonalista, fir-Rabat il-Ħadd filgħodu.

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-PN, Robert Arrigo qal li minkejja l-kliem sabiħ li jgħid il-Partit Laburista, wieħed kulma jiftakar hu l-iskandlu wara l-ieħor minn membri fi ħdan il-Labour.

Arrigo saħaq li kieku l-Gvern Laburista ma tax il-miljuni fis-sena lil dawk tal-qalba, il-ħaddiema tal-Air Malta kienu jsalvaw l-impjieg tagħhom… iżda minħabba n-nuqqasijiet tal-Labour, il-ħaddiema qed jispiċċaw ibatu għal dan.

Arrigo qal li l-PN hu bżonnjuż biex l-għajnuna li tingħata mill-Gvern tkun imqassma b’mod ġusta bejn kulħadd u mhux biss għal dawk il-ftit. Hu qal li l-proposti tal-PN se jkunu qed jilħqu lil kull individwu.

Arrigo qal li meta wieħed jivvota, għandu jivvota lill-Partit Nazzjonalista biex ikun fil-Gvern għall-ġid ta’ Malta.

Minn naħa l-oħra, il-kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali, Joseph Grech qal li n-nies qed iħossuhom traduti hekk kif qed jirrealizzaw kemm il-Gvern ta’ Robert Abela qed jisraq lill-poplu Malti.

“In-nies jgħiduli li membri fi ħdan il-Labour ma jistgħu jkellmu lil ħadd. Dan filwaqt li flok Gvern Laburista qed jaħdem għall-poplu Malti, qed jaħdem għalih innifsu u flok għandna Gvern li jgħin lill-poplu, minflok qed iberbaq il-flus,” qal Grech. “Hu għalhekk li fuq fomm kulħadd tisma’ ħaġa waħda – wasal iż-żmien li nerġa’ nagħti l-fiduċja tiegħi lill-PN.”

Grech qal li hemm bżonn gvern li kapaċi jerfa’ ir-responsabbli tat-tmexxija tal-pajjiż u jemmen li l-PN kapaċi jagħmel dan. Hu qal li mill-Oppożizzjoni, il-PN qed juri kemm hu kapaċi jmexxi lil pajjiżna… u dan qed jagħmlu permezz ta’ numru ta’ proposti li diġa’ ħarġu u għad iridu joħorġu iktar għall-ġid ta’ pajjiżna.

Saħaq li l-PN qiegħed dejjem hemm biex jisma’ u se jibqa’ dejjem hemm għan-nies. Grech qal li pajjiżna għandu bżonn liż-żgħażagħ, b’Bernard Grech bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna se jkun qed imexxi lil pajjiżna ‘l quddiem.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Robert Cutajar saħaq li bħala wiegħda ewlenija elettorali għal pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun hemm għan-nies biex jassigura li pajjiżna jimxi ‘l quddiem.

“Aħna Partit pożittiv,” qal Cutajar. “Tajna l-kelma li se nkunu qed nagħtu spazju lin-nies għax nemmnu li l-ambjent hu ta’ importanza għal pajjiżna. Se nibqgħu nkunu l-vuċi tan-nies”

Robert Cutajar saħaq li fl-interess ta’ pajjiżna l-abbozz ippreżentat fil-Parlament mill-Oppożizzjoni kellu jgħaddi, liema abbozz m’għaddix hekk kif il-Gvern webbes rasu. Madanakollu, Cutajar qal li l-Oppożizzjoni ħarġet mill-Parlament b’rasha ‘l fuq hekk kif jafu li huma qegħdin fuq in-naħa tas-sewwa hekk kif dan l-abbozz ta’ 12-il proposta jagħti futur aħjar għal pajjiżna.

Cutajar qal li waqt li jiltaqa’ man-nies, kien hemm ħafna li esprimew li jridu bidla fil-governanza ta’ pajjiżna biex Malta tieħu dak li jixraqilha u tkun verament l-aqwa fl-Ewropa.