Lokali

“In-nies huma fiċ-ċentru tal-politika u rrid li nkun ta’ vuċi għalihom” – Graziella Galea

Graziella Galea, li twieldet fl-14 ta’ Ottubru tal-1981, ġejja minn familja li diġà kienet involuta fil-politika tant li missierha – l-Eks Ministru Ċensu Galea – kien ukoll involut direttament fil-politika u serva għal bosta snin fl-ogħla karigi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Graziella Galea tgħid li hi trabbiet fil-politika u minn meta kienet żgħira kienet tattendi diversi attivitajiet politiċi flimkien mal-ġenituri tagħha. Aktar ma kibret aktar setgħet tara li anki hi tista’ tibda tagħti xi forma ta’ kontribut u fil-fatt daħlet fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar.

Imbagħad ġiet l-opportunità li tikkontesta l-elezzjoni għall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u kkontestat fejn fil-fatt kienet eletta bħala Sindku. Ħatra li kienet waħda mill-aktar sinifikattiva għall-fatt li kienet l-iżgħar Sindku fil-lokalità u wkoll l-ewwel Sindku mara li kienet eletta fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Mistoqsija kif tiddeskrivi din l-esperjenza, Graziella Galea fissret li minn dawn is-snin hi tgħallmet ħafna għaliex setgħet tiltaqa’ ma’ diversi sitwazzjonijiet li sawruha, fosthom il-laqgħat ta’ kuljum li kien ikollha mar-residenti li kienu jitkellmu magħha dwar il-bżonnijiet tagħhom fil-lokalità u dwar temi oħrajn.

Dak kien żmien ta’ ħafna tagħlim u meta tisma’ lin-nies b’dak kollu li jkollhom x’jgħidulek, allura titgħallem tassew. Is-sodisfazzjon tiegħi kien dejjem li ngħin u nkun ta’ servizz għan-nies. Is-sodisfazzjon tħossu meta jiġi għandek xi ħadd u tagħmel minn kollox biex tgħinu fis-sitwazzjoni diffiċli li jkun fiha.

Graziella Galea tgħid li allura dawk kienu żminijiet fejn tgħallmet ukoll tiffaċċja l-isfidi u tikkonvertihom f’opportunitajiet kemm għaliha biex tikber, kemm għar-residenti biex jgħixu b’aktar serħan il-moħħ u anki għal-lokalità kbira ta’ San Pawl il-Baħar biex tingħata dejjem l-attenzjoni li jixirqilha.

Kienu żminijiet interessanti wkoll fir-rigward tal-isfidi li kien ikollha tiffaċċja fit-tmexxija tal-Kunsill u tagħraf li mhux kulħadd hu ġenwin f’dak li jkun qed jagħmel, anzi ltaqgħet ma’ persuni li kien moħħhom biex jagħmlu l-ħsara u jagħtuha l-gambetti. Kienu żminijiet li minnhom tgħallmet ħafna u dak it-tagħlim jibqa’ jiswieha tul ħajjitha kollha.

Tajjeb li wieħed jgħid li meta qed nitkellmu dwar il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, inkunu qed nitkellmu wkoll dwar Buġibba, il-Qawra, ix-Xemxija, Burmurrad u l-Wardija. Qed nitkellmu dwar popolazzjoni kbira ħafna li tkompli tikber matul ix-xhur tas-sajf minħabba l-villeġġaturi. Illum din hi l-akbar zona fil-pajjiż li fiha tħaddan ukoll eluf ta’ barranin. Biżżejjed jingħad li hemm aktar minn tletin lingwa mitkellma f’din iz-zona minħabba li ħafna barranin illum jgħixu u joqogħdu f’San Pawl il-Baħar.

Din is-sitwazzjoni ġġib problemi partikulari li fi rħula oħrajn f’Malta stess ma jħabbtux wiċċhom magħhom. Din hi żona turistika li fl-aħħar snin kompliet tiżdied b’mod mgħaġġel f’termini ta’ popolazzjoni. Dan ifisser li fil-lokalità kien hemm żvilupp infrastrutturali mill-aktar mgħaġġel fejn meded ta’ artijiet vojta spiċċaw inbnew fi ftit snin, djar twaqqgħu biex minflok inbnew blokok ta’ bini u kien hemm żvilupp mgħaġġel ħafna li ħalla r-riżultati u l-impronti tiegħu.

Illum f’San Pawl il-Baħar hemm sitwazzjoni fejn l-infrastruttura tas-servizzi – jiġifieri l-aktar is-servizzi tad-drenaġġ – m’għadhomx ilaħħqu mal-volum u d-domanda u spiss ħafna jkun hemm żbroffi ta’ drenaġġ f’partijiet varji tal-lokalità.

Ir-residenti jitolbu biex is-servizzi fil-lokalità jkunu mtejba biex hekk ikunu jirriflettu d-domanda li hemm fil-preżent u wieħed jawgura li l-awtoritajiet jissoktaw bix-xogħlijiet meħtieġa biex San Pawl il-Baħar jingħata dejjem l-attenzjoni li jistħoqqlu.

Kien lejn l-2013 hekk kif kienet qed toqrob l-elezzjoni ġenerali li Graziella Galea kienet avviċinata mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien – Lawrence Gonzi – li kien staqsieha biex tkun fil-lista tal-kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hi kienet aċċettat dik l-istedina anki jekk din kienet ġiet ftit ġimgħat biss qabel id-data tal-elezzjoni ġenerali. Ġara li proprju f’dik l-elezzjoni ġenerali hi kkontestat fuq it-Tnax-il Distrett Elettorali u fil-lista tal-kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll missierha Ċensu Galea.

Minn dakinhar ’l hawn hi ma ħarsitx lura u baqgħet attiva fil-politika kemm bħala kandidata fuq livell ta’ Kunsill Lokali u anki bħala kandidata fuq livell ta’ elezzjoni ġenerali. Fuq kollox hi dejjem baqgħet viċin l-elettorat u dejjem fittxet l-okkażjonijiet fejn tista’ tkun viċin in-nies, li tisma’ l-vuċi tan-nies u fejn tista’ tagħtihom l-għajnuna tagħha.

Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017 Graziella Galea kienet spiċċat fil-by-election flimkien ma’ David Thake li rriżulta li kellhom l-istess ammont ta’ voti. Finalment kien David Thake li għamilha għall-Parlament, iżda Graziella Galea kompliet taħdem u tistinka mingħajr ma taqta’ qalbha.

Fil-frattemp hi kompliet tipparteċipa b’mod attiv f’diversi assoċjazzjonijiet u għaqdiet, fosthom l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali u l-Fondazzjoni ta’ Azzjoni favur il-Majjistral. Hi serviet ukoll bħala l-Ambaxxatur Nazzjonali fil-Kamra tal-Ambaxxaturi Nazzjonali fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Żvilupp mhux mistenni fil-ġimgħat li għaddew wassal biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech javviċina lil Graziella Galea u joffrilha s-Siġġu Parlamentari ta’ Deputat Nazzjonalista li kien irriżenja mill-Parlament u hi ħadet il-ġurament tal-ħatra proprju fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn li għadda fejn f’diskors tal-okkażjoni sellmet lill-familja tagħha u lir-residenti tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li dejjem tawha s-sostenn u l-appoġġ tagħha.

Tajjeb li jingħad li l-ħatra ta’ Graziella Galea kienet approvata wkoll b’mod unanimu kemm mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-Amministrattiv.

Nhar l-Erbgħa li għadda Graziella Galea għamlet ukoll l-ewwel aġġornament tagħha fil-Parlament u tkellmet dwar diversi temi kurrenti, fosthom dwar temi li jolqtu mill-qrib lis-7 u t-12-il Distrett Elettorali. Hi tkellmet dwar l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom in-negozji, l-importanza tal-bdiewa u r-raħħala, il-kwistjoni tal-faqar dejjem jiżdied, l-importanza tal-ispazji miftuħa, it-turiżmu u s-sigurtà fil-lokalitajiet.

Graziella Galea twiegħed li invista ta’ din il-fiduċja li ngħatat, se tagħmel minn kollox biex tkun tassew ta’ servizz għall-poplu kollu, b’mod partikulari għal dak fid-Distretti Elettorali. “Jien dejjem kont viċin in-nies u se nibqa’ viċin in-nies biex hekk inkun il-vuċi tagħhom.”

Mistoqsija kif tħares lejn ix-xenarju politiku attwali f’pajjiżna proprju lejlet elezzjoni ġenerali, Graziella Galea qalet li waħda mill-affarijiet li l-aktar li tinkwetaha hi l-faqar f’pajjiżna. Il-faqar qiegħed dejjem jiżdied u qed isiru aktar spissi l-inkontri ma’ anzjani li jistqarru li l-pensjoni mhix isservihom sal-aħħar tax-xahar.

Hawn problema kbira kaġunata mill-għoli tal-ħajja li qed jikkawża faqar dirett f’diversi familji. Hemm bżonn ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni biex dak li jkun ikun jista’ javvanza fil-karriera tiegħu. Il-Gvern għandu jagħmel minn kollox biex inaqqas it-tbatijiet tal-faqar u ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem diversi sitwazzjonijiet li qed jemerġu.

Graziella Galea qalet li issue oħra hi dik tan-nuqqas ta’ sigurtà. Hawn anzjani li jibżgħu joħorġu minn djarhom, partikularment darba jidlam. Il-karba għal aktar protezzjoni mill-Pulizija hi waħda mill-aktar realistika u ma jistax ikun li l-lokalitajiet tagħna jibqgħu bl-Għases tal-Pulizija magħluqa.

Kwistjoni oħra hi l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom numru ta’ żgħażagħ li minħabba li m’hawnx inċentivi biżżejjed f’pajjiżna, allura qed iħallu pajjiżna biex jagħmlu karriera lil hinn minn xtutna. Pajjiżna jeħtieġ li joffri sistemi edukattivi għaż-żgħażagħ tagħna b’mod li dawn jibqgħu jaħdmu f’pajjiżna darba jiggradwaw.

Tajjeb li wieħed ma jinsiex ukoll id-diffikultajiet serji li ħafna żgħażagħ qed jiltaqgħu magħhom biex jixtru xi tip ta’ proprjetà fejn ikunu jistgħu jmorru joqogħdu u għada pitgħada jkollhom familja. Il-prezzijiet huma għaljin ħafna u żgħażagħ jistaqsu kif jistgħu jidħlu għal dan il-piż ta’ xiri ta’ proprjetà meta jkunu għadhom se jibdew il-ħajja.

Kwistjoni oħra hi dwar is-saħħa fejn in-nies ukoll huma mħassba, aktar u aktar meta jissoktaw joħorġu aktar dettalji dwar l-iskandlu tal-Gvern Laburista li biegħ tliet spartijiet pubbliċi lill-privat minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi.