Internazzjonali

Italja: Sens akbar ta’ stabbilità wara l-konferma ta’ Mattarella bħala President

L-Italja qed tidher li evitat perjodu dominat min-nuqqas ta’ stabbilità wara li l-President Taljan, Sergio Mattarella, qabel li jidħol għal tieni mandat tal-Presidenza. Dan wara li l-partiti fil-koalizzjoni li qed tmexxi lill-Italja naqsu milli jaqblu dwar kandidat ta’ kompromess għal dik il-kariga.

Mattarella, li għandu 80 sena, kien ikkonfermat bħala ‘l-aħjar u l-aktar għażla loġika’ wara sitt ġranet ta’ votazzjonijiet f’Ruma. Intant, il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi jidher li ‘ikkonvinċa’ lil Mattarella biex ikompli fir-rwol ta’ President fl-aħjar interessi tal-istabbilità.

Hu minnu li numru sostanzjali ta’ deputati Taljani kienu qed jibżgħu li l-pajjiż ikollu jgħaddi minn elezzjoni bikrija li kieku Mario Draghi innifsu ħa f’idejh il-Presidenza. Intant, il-kritiċi kapaċi jaraw l-aħħar żviluppi bħala wirja embarazzanti tad-diżgwid politiku li teżisti fl-Italja u tal-fatt li d-deputati parlamentari ma rnexxilhomx iħarsu ‘il hinn mill-istatus quo.

Mattarella kien elett mill-ġdid bħala President wara t-tmien rawnd tal-votazzjoni u wara qal li jħoss responsabbiltà biex ikompli f’dan ir-rwol, fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi u tas-saħħa li qed tiffaċċja l-Italja. Hu żied li ‘is-sens ta’ dover tiegħu lill-pajjiż jiġi qabel l-għażliet personali tiegħu’.