Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Tipprova l-akbar missila mill-2017

Il-Korea ta’ Fuq komunista, fl-aħħar sigħat, ippruvat missila ġdida li jaħsbu li kienet l-aktar waħda qawwija li għaddiet minn prova mill-2017 ‘il hawn. Ingħad li l-missila kellha ftit anqas qawwa minn ta’ missila interkontinentali u li laħqet għoli ta’ 2000 kilometru qabel niżlet fil-Baħar tal-Ġappun.

L-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel kollha kkundannaw il-prova li hi s-seba waħda mill-Korea komunista mill-bidu tas-sena. In-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi lill-Korea ta’ Fuq milli twettaq il-provi għall-armi ballistiċi u nukleari, minbarra li imponiet is-sanzjonijiet stretti għall-Istat komunista.

Madankollu, il-Korea ta’ Fuq kompliet tisfida l-projbizzjoni, bil-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, qed jaħlef biex isaħħaħ id-difiżi ta’ pajjiżu.

L-osservaturi jemmnu li l-provi tal-missili mill-Korea komunista huma intiżi bħala wirja ta’ saħħa għall-potenzi reġjonali u dinjija. Mhux eskluż li Kim Jong Un qed jaħseb biex ‘jipperswadi’ lill-Istati Uniti ħalli tirritorna għal taħditiet dwar il-programmi nukleari tal-Korea ta’ Fuq u liema djalogu ilu żmien staġnat.

Iż-żmien tal-provi hu wkoll sinifikanti għaliex qed isiru qabel l-Olimpjadi tax-Xitwa fiċ-Ċina u l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Korea t’Isfel li se ssir f’Marzu.