Ambjent Lokali Transport

“Mhux se nibqgħu impestati bit-traffiku”

Skont il-Gvern, il-bypass ta' Ħ'Attard għandha "bixra ambjentali"

Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett Central Link f’Ħ’Attard, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li bil-proġetti fit-toroq qed tonqos l-istennija fit-traffiku.

F’diskors partiġġjan, Abela kritika lill-PN għaliex skont hu Gvernijiet preċedenti m’għamlux proġetti ta’ toroq. Dan meta, grazzi għall-fondi Ewropej, bejn l-2005 u l-2013 kienu saru proġetti maġġuri f’kull zona ta’ Malta u anke fil-gżira Għawdxija.

F’din l-inawgurazzjoni, Fredrick Azzopardi – li jmexxi Infrastructure Malta – għamel dak li ħafna sejħulu “diskors politiku”. B’attakki fuq Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista, u bi frażijiet bħal “ta’ qabilna”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta qal li r-residenti mhux se jibqgħu “impestati bit-traffiku”.

Wieġeb ukoll għall-kritika li Infrastructure Malta kienet arroganti fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Azzopardi qal li illum f’din iz-zona hemm aktar siġar minn dawk li kien hemm qabel.

Insista li l-proġett kien appoġjat mir-residenti, u għandu “bixra ambjentali”.

Il-Ministru Ian Borg minn naħa tiegħu qal li d-diskors tiegħu kien se jkun identiku għal dak tal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta. Filwaqt li tkellem dwar ir-rigali li jaqla’ mingħand in-nies.

“Ġieli fil-politika tgħaxxaqha”, sostna Ian Borg. U kompla bil-metafori fuq il-fekruni, u l-importanza li trabbi qoxra.

Ian Borg qal li dwar is-Central Link kienu ftit dawk li oġġezzjonaw, u li hu kien qiegħed fit-tajjeb. Iżda imkien ma qal li effettivament, dan il-proġett għadu mhux konkluż għaliex jonqos il-parti fuq in-naħa tal-Imrieħel illi għadha mhix lesta.

Dan il-proġett ta’ €55 miljun sar bl-appoġġ qawwi tal-fondi mill-Unjoni Ewropea.