Dalgħodu,wara l-inawgurazzjoni tas-Central Link, il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jaħrab jiġri u ma jwieġibx għad-domandi ta’ Net News. Dan meta tal-lum kienet l-ewwel okkażjoni pubblika li fiha stajna nistaqsu lil Abela dwar id-dikjarazzjonijiet li għamel Joseph Muscat ilbieraħ, fejn fost l-oħrajn ammetta r-rabja bejn Steward Healthcare u l-kumpanija Accutor li ħallsitu eluf f’konsulenzi.
Minn dak li seħħ dalgħodu, huwa ċar li Robert Abela qed jaħrab milli jaffaċja d-domandi tal-ġurnalisti minħabba l-inkwiet intern li għandu fil-Partit Laburista u l-kriżi fil-Gvern tiegħu. Dan hekk kif fil-ġranet li għaddew, l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat iddikjara li jrid jibqa’ jżomm kontroll tal-Partit Laburista, tant li hedded li mhux se jħalli lil ħadd jużah biex jipprova jkissirlu l-Moviment li bena hu – dikjarazzjoni meqjusa bħala botta diretta lill-Prim Ministru u suċċessur tiegħu Robert Abela.
Fl-aħħar sigħat rajna wkoll kif diversi professjonisti fis-settur taċ-ċinema esprimew it-tħassib tagħhom b’mod partikolari għall-użu ħażin tal-fondi biex tittella’ ċ-ċerimonja tal-Malta Film Awards; meta fir-realtà dawn il-flus setgħu intużaw mod ieħor biex tissaħħaħ din l-industrija.
Diversi atturi u diretturi tal-films qalu li f’din is-serata, fejn spikkat il-propaganda politika bil-prezenza tal-Ministri, intefqu 2.4 miljun ewro…bil-preżentatur barrani jitħallas €200,000 – flus li ntefqu bla bżonn mit-taxxi tal-poplu Malti.
U minkejja l-eluf li l-Gvern nefaq għaċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni tal-proġett f’Ħ’Attard – li skont il-Gvern lest kollu – il-proġett fadalu l-aħħar parti (in-naħa tal-Imrieħel) biex inkun komplut. Iżda lanqas dwar dan ma ried iwieġeb il-Prim Ministru.