Il-Malta Film Awards ġabu magħhom rabja fost l-artisti u dawk kollha li jsegwu x-xogħol Malti f’dan il-qasam, b’diretturi tac-cinema u professjonisti f’dan is-settur jgħidu li m’għażlux li jipparteċipaw f’din is-serata biex iwasslu messaġġ li l-industrija teħtieġ bidliet radikali.
Oħrajn kritikaw il-fatt illi mhux veru li din is-serata uriet it-talent tal-Maltin, filwaqt li kritikaw l-użu ħażin tal-fondi biex tittella’ ċerimonja bħal din meta fir-realtà dawn il-flus setgħu ntużaw mod ieħor biex tissaħħaħ din l-industrija.
Diversi atturi u diretturi tal-films qalu li f’din is-serata, fejn spikkat il-propaganda politika bil-preżenza tal-Ministri, intefqu €2.4 miljun bil-preżentatur barrani jitħallas €200,000. Fuq l-istess linji, ikkummenta d-direttur u producer Toni Attard fl-aħħar jiem.
Bosta kritikaw ukoll il-fatt li mhux sew li tul is-serata ma ntużatx il-lingwa Maltija, f’ċerimonja li suppost kellha tiċċelebra l-produzzjoni Maltija, inkluż dawk bil-lingwa tagħna.
Filwaqt li kienu ħafna li kritikaw id-deċizzjoni li jinġieb persuna li huwa barrani biex jippreżenta l-Malta Film Awards, ħafna laqathom il-kumment li għamel David Walliams fil-bidu tas-serata – li ttimbra lil Malta bħal post fejn tista’ tevadi t-taxxa.
Intant, kien hemm ħafna illi kritikaw il-fatt li mhux ġust li kellek serata f’kumpless mimli nies bla maskra, imma mbagħad għadna b’restrizzjonijiet kbar għall-festi u l-parties.
//= $special ?>