Miljuni ta’ Amerikani fi tmiem il-ġimgħa spiċċaw affettwati minn maltempata ‘unika’ bis-silġ u l-borra u li ngħatat il-laqam ‘Bombogenesis’ minħabba l-qawwa straordinarja tagħha. L-elementi tefgħu lis-servizzi tat-trasport f’kaos, bis-servizzi tad-dawl jinqatgħu għal eluf ta’ nies.
Il-laqam inkwistjoni tingħata għal konċentrazzjoni ta’ maltemp li litteralment tassumi l-livell ta’ ‘ċiklun-bomba’. Dan meta l-maltempata hi l-ewwel ta’ dan it-tip li laqtet l-inħawi tal-East Coast fl-aħħar erba’ snin.Fi tmiem il-ġimgħa, mill-anqas ħames Stati Amerikani ddikjaraw stat ta’ emerġenza – bil-maltemp jaffettwa lit-territorji minn North u South Carolina sa Maine.
L-aħħar rapporti qalu li niżlu sa 75 ċentimetru borra fi bnadi ta’ Massachusetts bl-awtoritajiet meteoroloġiċi jsostnu li l-friża għandha tibqa’ problema f’diversi bnadi tal-pajjiż. Il-maltemp anki kien iddominat b’irwiefen fuq livell ta’ uragani viċin il-kosta. Dan waqt li s-Sindku ta’ Boston, Michelle Wu, qalet li din il-maltempata kapaċi tibqa’ imfakkra bħala waħda storika għal diversi raġunijiet.
Filwaqt li kien mistenni inżul ta’ borra rekord ħarġu wkoll it-twissijiet dwar għargħar viċin iz-zoni tal-kosta. Intant, fl-aħħar sigħat tħassru eluf ta’ titjiriet interni fl-Istati Uniti bl-awtoritajiet meteoroloġiċi jwissu biex in-nies ma jivvjaġġaw lejn imkien ħlief għal raġunijiet mill-aktar neċessarji.
Filwaqt li l-irwiefen komplew iżidu fis-saħħa, ħareġ ukoll ‘blizzard warning’ għar-reġjun kollu tan-Northeast Amerikan u li kien l-ewwel allert ta’ dan it-tip mill-2018.
L-Istati li ddikjaraw emerġenza kienu New York, New Jersey, Maryland, Rhode Island u Virginia — bl-awtoritajiet rispettivi javżaw lir-residenti biex ma jsuqux il-karozzi minħabba s-sitwazzjonijiet mill-aktar perikolużi.
Mifhum li l-impatt tal-‘Bombogenesis’ seta’ affettwa lil talanqas 75 miljun ċittadin madwar l-Istati Uniti.
//= $special ?>