Internazzjonali

Ukrajna: ‘Ftit probabbiltà’ ta’ konflitt li tinvolvi truppi Britanniċi


Is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, qalet li filwaqt li teżisti theddida vera ta’ invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata Russa, hu ‘ferm improbabbli’ li s-suldati Britanniċi jintbagħtu biex jiġġieldu f’xi konflitt fl-artijiet Ukreni. Truss, intant, qalet li r-Renju Unit qed jibgħat l-armi lill-Ukrajna minbarra li qed isaħħaħ ‘is-sistema tas-sanzjonijiet’ biex l-oligarki biljunarji qrib tal-Kremlin (f’Moska) ‘ma jkollhom imkien fejn jistaħbew’.

Fid-dawl tal-kriżi tal-Ukrajna, ir-Renju Unit qed joffri wkoll appoġġ addizzjonali lill-Istati ġirien li bħalha huma msieħba fl-Alleanza tan-NATO.

Dan waqt li Liz Truss qalet li kwalunkwe invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja tkun xi ħaġa ‘terribbli għall-Ewropa’.

Ir-Russja, fl-aħħar jiem, stazzjonat aktar minn 100,000 truppi, tankijiet tal-gwerra, missili u sistemi tal-artillerija qrib il-fruntiera tal-Ukrajna. Iżda waqt li invażjoni tista’ tkun imminenti,  il-kelliema f’Moska baqgħu jiċħdu li pajjiżhom għandu jibgħat lis-suldati tiegħu fit-territorji tal-Ukrajna li, bħar-Russja, hi eks repubblika Sovjetika.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Truss semmiet ‘il-probabbiltà kbira’ li l-President Russu Vladimir Putin qed jaħseb biex jinvadi lill-Ukrajna, Dan waqt li hi sostniet li r-Renju Unit  u l-Punent qegħdin jieħdu l-passi diplomatiċi kollha biex l-invażjoni ma sseħħx.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, irrepeta li r-Russja għandha tħallas ‘prezz qares’ jekk kemm-il darba tiddeċiedi biex tirrikorri għall-forza militari fil-konfront tal-Ukrajna.

Stoltenberg qal li aktar ma r-Russja turi aggressjoni aktar ikollha tħabbat wiċċha mal-preżenza tan-NATO ‘fuq l-għatba tagħha’. Madankollu, hu spjega li l-Ukrajna mhix membru tal-Alleanza tal-Punent u għaldaqstant mhemmx pjani biex in-NATO tistazzjona t-truppi li jkunu ‘lesti għall-ġlied’ fl-artijiet Ukreni.