Christian Eriksen iffirma kuntratt ta’ sitt xhur ma’ Brentford, biex b’hekk se jkun qed jirritorna lura fil-futbol seba’ xhur biss wara li sofra attakk tal-qalb waqt il-Kampjonat Eropew mat-tim Nazzjonali tad-Danimarka.
Eriksen ħalla lil Inter f’Diċembru bi qbil reċiproku wara li ġie sospiż mill-awtorità medika Taljana milli jilgħab fis-Serie A minħabba regola li tipprojbixxi l-użu tal-Implantable cardioverter-defibrillator (ICD).
Il-plejer ta’ 29 sena tpoġġielu l-ICD wara li sofra attakk tal-qalb waqt il-partita tal-Euro 2020 bejn id-Danimarka u l-Finlandja f’Kopenhagen. Eriksen għadda mit-testijiet mediċi meħtieġa kollha li kkonkludew li jista jirritorna għall-futbol milgħub. Qabel ma ffirma ma’ Brentford, Eriksen kien ilu jitħarreġ fl-Iżvizzera ma’ F.C. Chiasso u l-ġimgħa li għaddiet kompla jitħarreġ mal-eks tim tiegħu Ajax fl-Olanda.
Ma Brentford l-eks midfielder ta’ Tottenham, se jkun qed jaħdem ma’ Thomas Frank għat-tieni darba wara li dan kien kowċ tiegħu mat-tim Nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tad-Danimarka lura fl-2010. Barra minn hekk ma’ Brentford se jkun qed jingħaqad mad-Daniżi Christian Norgaard u Mathias Jensen li huma plejers li Eriksen lagħab magħhom ukoll mad-De Rod-Hvide.